Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Ir-rapport annwali dwar is-saltna tad-dritt huwa xhieda ċara tat-titjib li sar f’Malta fl-aħħar sena

pr231049
Date Icon 05/07/2023

Fir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt ġew innotati numru ta' żviluppi pożittivi u importanti li seħħew f'Malta fl-aħħar sena. 

Il-Kummissjoni rrimarkat kif il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-Ġudikatura f'Malta baqgħet f'livell għoli. Din kienet ġiet rikonoxxuta wkoll fil-pubblikazzjoni ta' tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 2023, fejn pajjiżna jokkupa l-ewwel post fost l-istati membri tal-UE fil-perċezzjoni fost il-kumpaniji tal-effettività tal-protezzjoni tal-investiment.

Ir-rapport jinnota x-xogħol tajjeb li qed isir fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn fl-aħħar sena ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv u ġie introdott reġim dixxiplinarju għall-prosekuturi, ġie mniedi pjan strateġiku mifrux fuq ħames snin fuq l-aspett operattiv tal-istess uffiċċju u kif ukoll il-frott li qed tħalli t-trasferiment tal-prosekuzzjoni mingħand il-pulizija għal għand l-Avukat Ġenerali. Mill-ewwel tas-sena sal-aħħar ta' Ġunju ġew ippreżentati 30 att ta' akkuża u 99 artikolu.

Issir referenza wkoll għall-proċess kontinwu fuq l-Istrateġija dwar il-Ġustizzja Diġitali, fosthom il-ħolqien ta' steering committee u numru ta' working groups li qed jirrelataw oqsma differenti ta' din l-istrateġija. Saret ukoll referenza għall-ħidma li għaddejja biex tisaħħaħ il-professjoni legali permezz ta' leġiżlazzjoni li tirregola l-avukati u l-prokuraturi legali.

Fuq il-proċeduri u l-effiċjenza fil-qrati, il-Kumissjoni filwaqt li tirrakomanda aktar tisħiħ tal-effiċċjenza, tinnota l-effetti pożittivi li qed isarfu t-tibdiliet leġiżlattivi li saru fil-proċeduri tal-appell, kif ukoll il-ħidma li qed issir fir-riforma tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji u r-reviżjoni fil-proċeduri tal-Qorti tal-Familja.

Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll l-isfidi fir-riżorsi umani fi ħdan il-Qorti. Hawn hekk il-gvern diġà għamel bidliet importanti u meqjusa storiċi bħalma hi l-akbar żieda ta' ġudikatura fl-istorja, u kif imħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja, fil-jiem li ġejjin se tkun qed toħroġ sejħa għal tliet imħallfin addizzjonali. Dan ifisser żieda ta' 27% mis-sena 2012 u wkoll li ser twassal għal żieda numru ta' ġudikanti per capita.

Dwar ir-riforma fejn tidħol il-midja, tajjeb li wieħed isemmi li l-gvern ippreżenta tliet abbozzi li jagħtu l-ogħla protezzjoni lill-ġurnalisti. Dawn l-abbozzi jinsabu fi stadju ta' tieni qari wara li l-kumitat tal-esperti tal-midja talab li jiġi estiż it-terminu u ssir aktar konsultazzjoni.

Il-gvern se jkun qed janalizza wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru, li wħud minnhom diġà beda x-xogħol fuqhom u fosthom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fejn fit-tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà kien irreġistrat tnaqqis sostanzjali ta' madward 50% fit-tul taż-żmien tal-proċeduri ta' ħasil ta' flus meta mqabbel ma' 2019.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard sostna li dan il-gvern bil-fatti qed juri li t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f'Malta kien, għadu u se jibqa' fuq nett tal-aġenda u l-gvern jibqa' impenjat li jimplimenta l-proposti tal-manifest elettorali li jsaħħu l-governanza u l-aċċess għal ġustizzja xierqa u effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Fil-fatt, dawn ir-riformi qed isiru kemm minn aspett leġiżlattiv kif ukoll b'investiment finanzjarju, fosthom bl-akbar allokazzjoni tal-budget tal-Ministeru għall-Ġustizzja, liema allokazzjoni tammonta għal madwar €50 miljun, allokazzjoni ta' 'l fuq minn tliet darbiet aktar minn meta mqabbla mas-sena 2012. Fil-fatt, fit-tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kien irrimarkat kif Malta irreġistrat l-għola żieda ta' infieq fil-Qrati għal kull abitant.

Il-gvern se jkompli bil-kooperazzjoni u d-djalogu miftuħ filwaqt li jesprimi apprezzament għall-fatt illi l-progress li sar f'ħafna oqsma li jsaħħu s-saltna tad-dritt f'Malta ġie rikonoxxut.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow