Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Oppożizzjoni konfuża dwar il-qasam tal-Health & Safety

pr230981
Date Icon 24/06/2023

L-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni rigward il-proposti tal-Gvern għal tisħiħ fil-qafas leġiżlattiv dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija nieqsa minn suġġerimenti validi, u fiha punti li huma wkoll fattwalment skorretti.  Min-naħa l-oħra l-Gvern għażel li jagħmel fażi ta' konsultazzjoni pubblika dwar White Paper biex it-tibdil li finalment isir, ikun wieħed strutturat.

L-Oppożizzjoni ma ndunatx li l-Ministeru għax-Xogħljiet Pubbliċi u l-Ippjanar nieda żewġ eżerċizzji ta' konsultazzjoni, distinti minn xulxin, u li jittrattaw leġiżlazzjoni differenti – l-Avviż Legali 88 tal-2018 dwar is-saħħa u sigurtà f'siti ta' kostruzzjoni, u l-Att prinċipali nnifsu li jittratta s-saħħa u s-sigurtà mhux biss fil-qasam tal-kostruzzjoni imma f'kull post tax-xogħol. Waqt li l-istqarrija tal-Oppożizzjoni tirreferi għall-White Paper li tittratta l-Att, il-kummenti jirreferu għall-Avviż Legali. Jekk din l-istqarrija hija ntiża li tkun il-kontribut tal-Oppożizzjoni għall-proposti mnedija mill-Gvern, allura jidher li għadha ma fehmitx il-kumplessità ta' dan il-qasam li qed jevolvi kontinwament b'rata mgħaġġla.

Bħala wieħed mis-suġġerimenti prinċipali li saru mill-Oppożizzjoni hemm dak ibbażat fuq mudell li ilu skartat mid-dinja kollha, b'mod partikolari mill-Unjoni Ewropea, li jesiġi li kull inizjattiva trid tibda u tispiċċa b'intervent tal-Gvern. Dan hu mudell skadut minħabba l-mod qawwi kif kibru l-industrija u l-ekonomija tul l-aħħar snin. Il-viżjoni tal-Gvern, min-naħa l-oħra, hija li kull min għandu xi obbligu legali f'kull post tax-xogħol ikun responsabbli ta' għemilu, jiġifieri li kulħadd jaġixxi mal-liġi mingħajr ma joqgħod jistenna xi intervent min-naħa tal-awtoritajiet.

In-nuqqas ta' sustanza fl-eżerċizzju ta' konsultazzjoni li qalet li għamlet l-Oppożizzjoni joħroġ ukoll mill-fatt li jirreferi għal strutturi li l-anqas biss jeżistu fil-liġi bħalma hija r-referenza għall-Health and Safety Officer, li skont il-liġi hu appuntat u mpjegat mill-OHSA biex jinforza il-liġi. Jekk l-istqarrija qed tirreferi għall-Project Supervisors li r-rwol tagħhom ġie definit permezz ta' Avviż Legali tal-2004 biex jaraw li jkunu qed jittieħdu l-miżuri ta' saħħa u sigurtà f'siti ta' kostruzzjoni, irid jingħad li dalwaqt ser ikunu ppubblikati emendi għall-Avviż Legali dwar il-kostruzzjoni biex proprju jkun imsaħħaħ dan ir-rwol u jingħata iktar protezzjoni skont il-liġi.

L-Oppożizzjoni fl-istqarrija tagħha tagħmel referenza wkoll għan-numru ta' fatalitajiet fuq ix-xogħol, fejn tgħid li kien hemm żidiet abnormali – studju li sar minn statistiku indipendenti u li kien ippubblikat lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet juri l-oppost, jiġifieri li r-rati ta' mwiet fuq ix-xogħol f'Malta kellhom tnaqqis persistenti tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Minkejja li dan l-istudju kien aċċessibbli għal kulħadd, l-Oppożizzjoni għażlet li tinjorah u tagħmel dikjarazzjoni bla bażi li tallarma.

Il-Gvern huwa kommess li jinvolvi ruħu b'mod li jagħmel sens, b'konsultazzjoni vera mal-partijiet ikkonċernati kollha.  Fil-fażi li jmiss wara li ntemmet il-konsultazzjoni pubblika issa l-Gvern flimkien mal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se jevalwa is-suġġerimenti kollha li ntbagħtu dwar din il-White Paper. Kif jitħejja l-Abbozz ta' Liġi, id-diskussjoni tkompli fil-Parlament bil-għan li naslu biex ikollna Liġi ġdida dwar is-settur, liġi li twassal għat-tisħiħ tal-ħidma fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà f'pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow