STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Pass ieħor 'il quddiem fir-riforma tal-użu tal-caravans u campers
Se jkunu qed jiġu ppubblikati regolamenti ġodda dwar stazzjonar temporanju ta' caravans u campers bil-għan li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn it-tgawdija ta' din l-attivita' u l-interess pubbliku.
Dawn ir-regolamenti, li se jidħlu fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Lulju li ġej, se jkunu qed jiġu maħruġa skont ma jipprovdi l-Att dwar il-Gvern Lokali u dan wara konsultazzjoni u qbil ma' diversi Kunsilli Lokali li huma l-iktar milquta mis-sitwazzjonijiet marbuta ma' stazzjonar ta' caravans u campers fil-lokalita' tagħhom.
Saru wkoll konsultazzjonijiet ma' diversi persuni li jagħmlu użu mill-caravans u l-campers.
Irid jingħad li r-regolamenti dwar stazzjonar temporanju ta' caravans u campers, fiż-żmien li ġej, se jiġu segwiti bil-ħruġ ta' Bye-Laws min-numru ta' Kunsilli Lokali sabiex jiġu deżinjati siti speċifiċi għall-kampeġġ (designated sites). L-effett tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regolamenti se jkun qed jiġi analizzat kontinwament sabiex ikun aċċertat kemm jista' jkun li l-għan mixtieq jintlaħaq.
Ir-Regolamenti se jkunu qed japplikaw għax-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru ta' kull sena u għall-finijiet tagħhomid-definizzjoni ta' caravan tinkludi wkoll il-campers u tkopri għalhekk il-vetturi, kemm jekk bil-qawwa mekkanika tagħha u kemm jekk le, maħsuba biex iġorru persuni u li jkunu mgħammra b'sodod u/jew armat b'mod li fih jista' jissajjar ikel.
Mill-1 ta' Lulju li ġej, sabiex persuna tistazzjona caravan f'xi post trid l-ewwel tapplika għall-ħruġ ta' permess mal-Kunsill Lokali rispettiv bil-ħlas ta' €5 għal kull ġurnata. Id-deċiżjoni finali tibqa' dejjem tal-Kunsill Lokali.
L-applikazzjoni se tkun qed issir b'mod elettroniku, bl-istess mod li jsiru l-bqija tal-applikazzjoni tal-permessi diversi li jsiru mal-Kunsilli Lokali. Dan billi wieħed jidħol fuq is-sit https://localpermits.gov.mt/.
Matul iż-żmien illi caravan jew camper ikun stazzjonat f'dan il-post, il-permess illi jawtorizza dak l-istazzjonar irid ikun muri b' mod prominenti.
Ir-Regolamenti jipprovdu li m'għandu jkun hemm ebda bżonn ta' ebda permess u ebda ħlas biex wieħed jipparkja l-vettura f'post raġonevalment viċin id-dar residenzjali tiegħu sakemm it-tqiegħid tal-vettura ma tkunx qed tiġi użata għal skop ta' kampeġġ u sakemm dan hu dejjem permess bil-liġijiet ta' qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess Regolamenti.
Minbarra dan, fiż-żmien li ġej f'numru ta' lokalitajiet ser jiġu stabbiliti formalment designated sites, fejn fihom jistgħu jitqiegħdu caravans jew campers bi ħlas ta' €10 għal kull jum ta' parkeġġ sa massimu ta' sebat (7) ijiem fejn wieħed eventwalment jkun jista' jgawdi wkoll minn servizzi. Irid jingħad li saru taħdidiet dettaljati mal-Kunsilli Lokali involuti, fejn diġa' intlaħaq ukoll qbil ġenerali fejn se jiġu allokati dawn is-siti.
Dawn ser jkunu qed jiġu regolati permezz ta' bye-laws apposta maħruġa mill-Kunsill Lokali rispettivi u diġa' ġew skattati proċessi biex l-istess Kunsilli Lokali ikunu jistgħu japplikaw għall-ħruġ tal-permessi relattivi fejn applikabbli.
Ir-Regolamenti jipprovdu wkoll għal kontravvenzjonijiet ġodda għal min ma jimxix ma' dak provdut fid-dispożizzjonijiet relattivi.
Għal iktar informazzjoni wieħed jista' jirrikorri għand il-Kunsill Lokali rispettiv jew jibgħat email fuq customercare.dlg@gov.mt jew telephone 20908600.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en