STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: 48 Segretarju Eżekuttiv tal-Gvern Lokali maħtura Uffiċjali Pubbliċi
48 Segretarju Eżekuttiv tal-Gvern Lokali ġew assimilati fis-Servizz Pubbliku, dan wara li s-sena li għaddiet ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali. Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard ippreżentaw l-ittri tal-ħatra bħala Uffiċjali Pubbliċi lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li dan huwa pass importanti u b'saħħtu mill-Gvern għaliex permezz ta' dan il-ftehim qed ikomplu jsaħħu l-att amministrattiv fil-qasam tal-Gvern Lokali. Hija spjegat ukoll li permezz ta' din il-ħatra fis-Servizz Pubbliku, is-Segretarji Eżekuttivi ngħataw aktar sigurtà u serħan il-moħħ fil-kariga tagħhom.
“Is-Segretarji Eżekuttivi jisimgħu t-talbiet tal-komunitajiet rispettivi li jservu fihom, u jaħdmu qatigħ sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-lokalitajiet u l-bżonnijiet taċ-ċittadini. Għaldaqstant, kien xieraq li dan l-irwol jiġi rikonoxxut bħala kariga fis-Servizz Pubbliku," saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, filwaqt li awgurat lis-Segretarji Eżekuttivi għall-ħatra tagħhom bħala Uffiċjali Pubbliċi.
Is-Segretarju Eżekuttiv huwa l-kap eżekuttiv, amministrattiv u finanzjarju tal-Kunsill. Dan l-irwol jirrikjedi diversi responsabbiltajiet li jinkludu l-kompilazzjoni u l-iffirmar tal-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill, jissottometti rapport amministrattiv annwali, jara li d-deċiżjonijiet jiġu attwati fl-iqsar żmien u jiżgura li l-fondi jiġu investiti bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, fost l-oħrajn.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni Paul Gatt qal; “Din il-ħatra bħala uffiċjali fis-servizz pubbliku titlob minnkom responsabbiltà akbar minn qatt qabel, għaliex dak li nagħmlu mhux biss ser jirrifletti fuq is-Segretarji Eżekuttivi iżda se jkun rifless fuq is-servizz pubbliku kollu."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en