STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Ftehim ta’ kooperazzjoni fl-istudji diplomatiċi bejn Malta u l-Moldova
“Bħala pajjiż inħarsu 'l quddiem biex inkomplu naħdmu mal-Moldova bl-għan komuni jkun li nikkonsolidaw ir-relazzjoni twila tagħna li hija bbażata fuq rieda politika konġunta li permezz tagħha jistgħu jiġu żgurati riżultati importanti u inizjattivi innovattivi." Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza lill-mezzi tal-midja fi tmiem ta' laqgħa bilaterali mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova Nicu Popescu.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif l-iffirmar ta' ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Istitut Diplomatiku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova u l-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi ta' Malta, aktar kmieni llum, huwa xhieda ta' din ir-rieda bejn iż-żewġ pajjiżi.
Borg qal kif Malta hija ottimista li tista' ttejjeb din ir-relazzjoni bilaterali u ż-żjara tal-Ministru Popescu hija xhieda tar-rieda li teżisti anke fid-dawl tad-diskussjoni li kien hemm bejn il-Prim Ministru Robert Abela mal-President tal-Moldova Maia Sandu. Hawnhekk, il-Ministru Borg reġa' ta l-assigurazzjoni li pajjiżna se jkun qed jappoġġja l-kandidatura tal-Moldova sabiex issir membru stat tal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Nicu Popescu rringrazzja lil-Ministru Ian Borg u lil pajjiżna għall-ospitalità li rċieva fiż-żjara tiegħu f'Malta. Huwa faħħar il-livell ta' diskussjonijiet li kellu f'din il-laqgħa bilaterali u sostna li wasal iż-żmien fejn jintensifikaw ir-relazzjonijiet b'saħħithom li diġà jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-Deputat Prim Ministru wera l-apprezzament lejn Malta għall-appoġġ tagħha lejn il-Moldova favur adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant huwa tenna li jinsab ħerqan għal aktar diskussjonijiet fil-futur.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ Ministri kellhom ukoll l-opportunità li jaġġornaw lil xulxin dwar numru ta' miżuri pendenti bejn iż-żewġ pajjiżi u anke ddiskutew l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna, is-sħubija tal-Lvant (EaP) u materji oħra ta' ġrajjiet kurrenti.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en