STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Inkomplu ngħollu l-livell u l-kwalità tal-prodott lokali mill-bdiewa Maltin
Investiment ta’ €600,000 f’tagħmir għall-gradazzjoni u għall-ippakkeġġjar tal-ħxejjex
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo inawgura proġett b’investiment ta’ €600,000 f’magna u f’faċilità għall-gradazzjoni u għall-ippakkeġġjar ta’ ħxejjex varji.
Dan il-proġett, li sar bejn il-Malta Food Agency u l-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa, se jkun qed jara magna moderna u avvanzata għall-ħasil, għall-għażla u għall-gradazzjoni tal-patata u l-basal, skont id-daqs. Dan filwaqt li se jara ppakkjar xieraq li jiżgura freskezza u preżentazzjoni aħjar għal dawn il-prodotti.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan l-investiment se jkompli jgħolli l-livell tal-prodott lokali u li ġej mill-għelieqi tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
“Permezz ta’ dan l-investiment qed inkomplu naraw li l-għaqal u l-bżulija tal-bdiewa tagħna tkompli tiġi ppremjata għax b’hekk se naraw li jinfetħu aktar opportunitajiet ta’ swieq kemm fuq livell lokali u anke fuq livell internazzjonali. Dan il-proġett tant bżonjuż jimxi id f’id mal-għanijiet tal-Aġenzija tal-Ikel, fejn qed nagħtu aktar valur lill-prodott lokali u fl-istess ħin nilħqu livelli ġodda ta’ kwalità,” tenna l-Ministru Refalo.
Huwa temm jgħid li l-ħaxix u l-frott frisk li ġej mill-għelieqi tal-bdiewa Maltin huma ferm imfittxija mill-konsumaturi u b’hekk il-gvern qed jara li jkompli jtejjeb l-investiment sabiex dawn il-prodotti lokali jaslu għand il-konsumatur fi kwalità aħjar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, spjega li l-aġenzija qed tkun katalist biex jiġu maħluqa u jissaħħu relazzjonijiet li jwasslu għal proġetti ġodda bejn il-partijiet interessati, li jwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u jiġu identifikati swieq u opportunitajiet differenti. “Kommessi li nibqgħu naħdmu id f’id mal-koperattivi, mal-bdiewa, mar-raħħala u mas-sajjieda biex flimkien inwasslu prodott tal-ikel lokali ta’ kwalità u ta’ valur fi swieq differenti,” temm jgħid il-kap eżekuttiv.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en