STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Titnieda t-tieni edizzjoni tal-Malta Business Awards
L-applikazzjonijiet miftuħin sal-31 ta' Lulju fuq maltabusinessawards.mt
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, illum ġiet varata t-tieni edizzjoni tal-Malta Business Awards li qed tittella' mill-Malta Chamber of SMEs b'kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-31 ta' Lulju.
It-tnedija saret mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela u l-Kap Eżekuttiv Abigail Agius Mamo.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li t-tkabbir ekonomiku huwa mmexxi mid-dedikazzjoni u x-xogħol iebes tal-intrapriżi f'pajjiżna.
“Dan għandu jkun ukoll mument li jservi ta' ispirazzjoni lill-intrapriżi tagħna biex ikunu iktar sostenibbli, diġitali, jaqdu l-ħtiġijiet tal-klijenti tagħhom u jassiguraw il-kompetittività. Irridu li kull negozju f'Malta jilħaq u jaqbeż il-miri tiegħu stess fejn is-servizzi u l-prodotti li jiġu offruti jkunu ta' eċċellenza, li mhux iservu lill-klijenti f'pajjiżna biss, imma anke barra minn xtutna," qalet il-Ministru Dalli.
Kompliet li l-Malta Business Awards iservu biex juruna l-istejjer ta' suċċess, fejn wieħed jitgħallem mingħand l-ieħor. “Fuq kollox huma opportunità biex kull intrapriża tara kif se ttejjeb s-servizz u l-proċessi tagħha," temmet tgħid il-Ministru Dalli.
Minn naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Agius Mamo ħeġġet lin-negozji biex sal-31 ta' Lulju japplikaw għall-Malta Business Awards fuq is-sit www.maltabusinessawards.mt . Agius Mamo spjegat li l-kumpaniji jistgħu japplikaw għal aktar minn award wieħed. Ħabbret ukoll li l-ewwel kumpaniji magħżula ser jitħabbru fil-11 ta' Settembru u l-finalisti ser jitħabbru fit-30 ta' Ottubru. Is-serata finali se ssir fl-1 ta' Diċembru 2023.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Malta Business Awards wieħed jista' jżur www.maltabusinessawards.mt.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en