STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Il-kampanja Saving Our Blue tintroduċi logħob interattiv u esperjenza ta’ Virtual Reality
Stħarriġ juri li aktar nies qed jagħmlu użu minn materjal sostenibbli biex jevitaw l-użu żejjed ta' plastik
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli nedit il-ħames edizzjoni tal-kampanja ambjentali Saving Our Blue, biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar l-impatt negattiv li l-iskart iħalli fuq il-baħar u l-kosta Maltija, u l-importanza biex jitnaqqas l-iskart, speċjalment plastik li jintuża darba biss.
Il-kampanja din is-sena qed toffri esperjenza innovattiva ta' Saving Our Blue Virtual Reality (VR) li turi mill-qrib il-ħajja tal-baħar ta' żoni differenti ta' importanza ekoloġika fl-ibħra Maltin, kif ukoll logħob edukattiv dwar l-iskart li jinsab fil-baħar u s-separazzjoni tal-iskart.
Din il-kampanja hija mmirata għas-soċjetà kollha, miż-żgħar għall-kbar, inklużi NGOs, is-settur privat u entitajiet pubbliċi, b'attivitajiet u inizjattivi differenti.
F'sena, madwar l-Ewropa, bejn 150,000 u 500,00 tunnellata minn 25 miljun tunellata ta' skart tal-ippakkjar qed jispiċċa fil-baħar, b'theddida għall-ambjent tal-baħar u tal-kosta Ewropea, inkluża dik Maltija. Il-kampanja Saving Our Blue tenfasizza l-impatt fuq il-ħajja tal-baħar li ġej mill-plastik li jintuża darba, filwaqt li tħeġġeġ lin-nies ikunu aktar sostenibbli billi jagħżlu prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw u jnaqqsu l-użu tal-plastik fl-attivitajiet kollha ta' kuljum.
Is-sena li għaddiet, Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi tal-UE li pprojbixxiet prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, bħal basktijiet tal-plastik u pożati.
Waqt it-tnedija tal-kampanja, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli ħeġġet lill-pubbliku biex jagħmel il-parti tiegħu u juża prodotti aktar sostenibbli.
“Kmieni din il-ġimgħa, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika b'kollaborazzjoni ma' Saving Our Blue ħareġ stħarriġ li juri li 62% tan-nies f'Malta jippruvaw jevitaw prodotti b'ippakkjar tal-plastik, filwaqt li 63% jagħżlu li jużaw basktijiet u kontenituri li jistgħu jerġgħu jużaw għax-xirja tagħhom. Dan huwa riżultat inkoraġġanti fejn ifisser li l-messaġġ tal-kampanji bħal Saving Our Blue qed jasal, kif ukoll deċiżjonijiet fil-ħidma politika li qed tieħu Malta, fosthom il-projbizzjoni ta' plastik li jintuża darba biss u dwar is-separazzjoni tal-iskart mandatorju. Irridu nkomplu naħdmu flimkien lejn stil ta' ħajja aktar sostenibbli, b'enfasi akbar fuq il-ħarsien tal-ambjent, id-dekarbonizzazzjoni u t-tnaqqis tal-iskart," qalet il-Ministru Dalli.
Il-logħob il-ġdid tal-web app ta' Saving Our Blue juża teknoloġiji biex juri l-impatt negattiv li l-ġenerazzjoni tal-iskart jista' jkollhom fuq il-ħajja tagħna ta' kuljum. Il-VR se toffri esperjenza immersiva ta' diversi ekosistemi u żoni ta' bijodiversità f'Żoni Protetti Marittimi li wieħed isib madwar il-Gżejjer Maltin, fosthom iċ-Ċirkewwa, Għajn Tuffieħa, ż-żona Imperial Eagle, id-Dwejra, Stokers Cave, Kemmuna u Ta' Ċenċ. Din l-esperjenza għandha l-għan li tħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu azzjoni lejn il-preservazzjoni ta' dawn iż-żoni protetti.
Għat-tieni sena konsekuttiva, Saving Our Blue installat ballot bins għal loqom tas-sigaretti f'53 post f'diversi bajjiet f'Malta, f'Għawdex u f'Kemmuna. Kull kontenitur għandu mistoqsija b'tema ambjentali u żewġ tweġibiet. Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ li jarmi l-loqom tas-sigaretti taħt it-tweġiba preferuta, u b'hekk ikun qed jgħin biex inaqqas l-iskart filwaqt li jipparteċipa fi stħarriġ. Fl-aħħar tas-sajf il-loqom tas-sigaretti mormija fil-kontenituri jintiżnu biex b'hekk il-pubbliku jkun mgħarraf kemm ġew iffrankati effetti negattivi fuq l-ambjent.
Individwi, negozji, NGOs u organizzazzjonijiet oħra li huma interessati jipparteċipaw f'din il-kampanja ambjentali jistgħu jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Ambjent fuq il-paġna ta' Facebook u ta' Instagram ta' Saving Our Blue. Il-logħob il-ġodda flimkien ma' informazzjoni dwar din il-kampanja jinsabu fuq www.savingourblue.gov.mt.
Għat-tnedija ta' Saving Our Blue pparteċipaw rappreżentanti minn Ambjent Malta, minn Project Green u minn Heritage Malta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en