STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurat investiment ta’ €2.2 miljun minn Delicata Winery
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, inawguraw investiment ta' aktar minn €2.2 miljun, minn Delicata Winery.
Il-proġett, li hu ko-finanzjat minn fondi Ewropej, jikkonsisti f'makkinarju tal-aqwa kwalità u li minnu jgħaddu l-fliexken tal-ħġieġ qabel jiġu mimlija bl-inbid.
Waqt l-inawgurazzjoni ġew spjegati l-benefiċċji ta' dan l-investiment, li hu meqjus bħala wieħed ambjentalment sostenibbli u li jopera b'mod effiċjenti fl-enerġija. Fost l-oħrajn, l-investiment jinkludi sistema fotovoltajka u l-insulazzjoni tal-maħżen tal-inbid fil-fliexken.
Il-Ministru Anton Refalo nnota kif dawn it-tip ta' investimenti qed ikomplu jgħollu l-livell tal-prodott lokali, din id-darba l-inbid magħmul mill-għeneb maqtugħ fl-għelieqi Maltin. Saħaq li l-Gvern kommess li jibqa' jappoġġja investimenti bħal dawn li ġejjin minn kumpaniji privati. Huwa feraħ lil familja Delicata li ilha topera għal diversi snin, għax-xogħol siewi li qed tagħmel.
“Permezz ta' dan l-investiment multi-miljunarju, anke kofinanzjat minn fondi Ewropej, qed tkompli tissaħħaħ il-produzzjoni ta' din il-kumpanija u fuq kollox minnu se jgawdi wkoll il-konsumatur għax se jibqa' jieħu prodott mill-itjeb u ta' kwalità," temm jgħid il-Ministru Refalo.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett irrimarka kif bl-għajnuna ta' madwar €850,000 minn fondi Ewropej, Delicata Winery ser ikunu qed itejjbu l-kwalità tal-prodott tagħhom permezz ta' investiment kemm fit-tagħmir kif ukoll fl-infrastruttura u b'hekk jikkontribwixxu għall-kompetittività tas-settur vinikulturali Malti, kemm fuq livell ta' UE kif ukoll internazzjonali. Kompla li permezz ta' Miżura 4.2, 20 proġett ta' dan it-tip gawdew minn investiment ta' €5.5 miljun ta' fondi Ewropej.
“Proġetti bħal dawn iħeġġu lill-produtturi lokali jtejbu l-attività rurali tagħhom filwaqt li jiżguraw ukoll li bdiewa żgħażagħ ġodda jkunu jistgħu jimxu fuq il-passi tal-ġenerazzjonijiet tal-passat. Dan jixhed l-impenn tal-gvern li jagħti s-setgħa lill-bdiewa lokali bl-għajnuna ta' fondi Ewropej," qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Iċ-Chairman ta' Delicata Group, George Delicata saħaq li “il-kumpanija Delicata f'dan l-investiment rat li żżomm b'mod konsistenti l-kwalità tal-inbejjed tagħna, iżda dan il-makkinarju l-ġdid qed jinkorpora wkoll l-aħjar prattiċi għall-konservazzjoni tal-ilma u l-enerġija kif ukoll sistemi ta' tindif fil-post. Barra minn hekk, se jintegra l-aktar makkinarju modern biex ittejjeb il-preżentazzjoni tat-tikketti u l-ħajja tal-fliexken tal-inbid kollha ta' Delicata."
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en