STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Żjara uffiċjali tal- Ispeaker Anġlu Farrugia fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO)
Dalgħodu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex jippreżenta ċertifikati lil seba' membri tal-istaff li temmew b'suċċess il-programm ta' Professional Education for Supreme Audit Istitution Auditors (PESA) organizzat mill-INTOSAI Development Initiative (IDI). Mal-wasla tiegħu fl-Uffiċċju, huwa kien milqugħ minn Charles Deguara, Awditur Ġenerali, u Noel Camilleri, Deputat Awditur Ġenerali.
F'indirizz ta' merħba, l-Awditur Ġenerali feraħ mill-qalb lill-impjegati tal-Uffiċċju għal dan is-suċċess miksub b'mod impressjonanti. Huwa saħaq fuq fil-fatt li l-NAO kien l-uniku supreme audit institution (mis-87 SAIs madwar id-dinja) li kiseb rata ta' suċċess ta' mija fil-mija waqt dan il-programm ta' taħriġ estensiv u ta' sfida. Is-Sur Deguara, kif għamel kemm-il darba f'okkażjonijiet oħra, qal li t-tmexxija ta' dan l-Uffiċċju hija kommessa li tkompli toffri l-aqwa opportunitajiet ta' żvilupp professjonali kontinwu lill-impjegati tal-NAO.
Ms Archana Shirsat, Deputat Direttur Ġenerali tal-IDI, li impenji oħra żammewha milli tattendi għal din iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikati, bagħtet l-awguri tagħha permezz ta' messaġġ irrekordjat. Fih hija ferħet ukoll lill-NAO Malti għas-suċċess komplet miksub mill-awdituri ta' dan l-Uffiċċju.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, filwaqt li huwa wkoll feraħ lill-membri tal-istaff li kisbu dan ir-riżultat ferm sabiħ, esprima l-apprezzament sħiħ tiegħu lit-tmexxija u l-impjegati għax-xogħol ta' fejda li qed isir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Huwa enfasizza l-importanza fundamentali li l-istaff kollu, bħalma qed isir ukoll fil-Parlament, kontinwament jibqa' jingħata opportunitajiet ta' taħriġ ta' kwalità.
Wara, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati ppreżenta ċ-ċertifikati, maħruġa uffiċjalment mill-IDI, lill-membri tal-istaff li kisbu dan is-suċċess.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en