STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA WasteServ tħabbar ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards
WasteServ ħabbret ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards. Dan l-avveniment iċċelebra l-aħjar azzjonijiet minn skejjel, l-amministrazzjoni pubblika, kumpaniji, NGOs u ċittadini matul il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart. It-tema kienet relatata mat-Tessuti Ċirkolari u Sostenibbli, fejn il-parteċipanti kellhom l-opportunità juru l-inizjattivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-materjal u r-riċiklaġġ.
Ġurija esperta evalwat u għażlet ir-rebbieħa fejn kull rebbieħ irċieva fondi biex ikomplu jissaħħu l-isforzi favur it-tnaqqis tal-iskart, flimkien ma' trofew. Matul din iċ-ċerimonja ngħataw total ta' €17,000 fi premjijiet.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli faħħret lill-parteċipanti kollha għall-azzjonijiet tagħhom li jqajmu kuxjenza dwar l-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ.
“Huma inizjattivi bħal dawn li jqawwulna qalbna, fejn naraw diversi stakeholders jipparteċipaw u jagħtu sehemhom lejn ekonomija ċirkolari. Filwaqt li b'dawn l-inizjattivi flimkien mal-politika tagħna, qed inkomplu nqajmu aktar għarfien fuq konsum u produzzjoni sostenibbli u bi ħsieb," qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-parteċipanti kollha u enfasizza kif bl-azzjonijiet tagħhom qegħdin jimmotivaw lill-pubbliku biex ikollu rwol aktar attiv fil-prevenzjoni u fis-separazzjoni tal-iskart.
Barra minn hekk, waqt din iċ-ċerimonja ngħata wkoll rikonoxximent lill-kunsilli lokali għall-isforzi tagħhom favur l-immaniġġjar tal-iskart bi premjijiet mogħtija lill-aqwa tliet lokalitajiet minn Malta u Għawdex, li kienu l-Kunsill Lokali tal-Birgu, il-Kunsill Lokali tal-Fontana u l-Kunsill Lokali tal-Isla.
Il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart hija l-akbar kampanja fl-Ewropa mmirata biex tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart bil-għan li tispira u tinkoraġġixxi atturi varji tal-komunità biex jiżviluppaw azzjonijiet li jħallu impatt għal dan il-għan. Il-kampanja ta' din is-sena se ssir mit-18 sas-26 ta' Novembru, b'enfasi fuq l-iskart iġġenerat mill-ippakkeġġjar.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll Frank Bezzina, Aġent President ta' Malta.
Ir-rebbieħa tal-10 edizzjoni tal-Malta Waste Reduction Awards huma:
Waste Reduction Award in Public Administration - Kunsill Lokali tal-Kalkara
Waste Reduction Award in Associations Category - Flimkien għal Ambjent Aħjar
Waste Reduction Award in Schools Category - St Nicholas College Dingli Secondary School
Waste Reduction Award in Clean-up Awareness - Kunsill Reġjonali tal-Lvant
Waste Reduction Award in Business Category – Parascandolo
Waste Reduction Award in Citizens Category - Il-Familja Ciangura
Waste Reduction Award for Best Practice in Most Innovative Initiative - Martina Caruana
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en