STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Christina Aguilera se tingħaqad maċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride Valletta 2023
Hekk kif il-EuroPride Valletta 2023 tinsab ftit iktar minn 100 jum biss ’il bogħod, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, flimkien mal-għaqda non-governattiva Allied Rainbow Communities, ħabbru li l-kantantawtriċi Amerikana ta’ fama mondjali Christina Aguilera se tkun artista ewlenija fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Settembru li ġej.
Christina Aguilera, rebbieħa ta’ sitt Grammy Awards, hija ikona għall-komunità LGBTIQ+. “Din l-artista internazzjonali qatt ma beżgħet issemma leħinha u turi l-imħabba tagħha lejn il-komunità LGBTIQ+ u issa għażlet li tpoġġi isimha wkoll f’EuroPride Valletta 2023”, tenniet is-segretarju parlamentari.
Christina Aguilera se tkun qed tagħti kunċert fuq il-Fosos tal-Floriana fis-16 ta’ Settembru, bl-entratura tkun bla ħlas.
“Dan huwa żmien eċitanti ħafna għall-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna. Wara li ġenerazzjonijiet sħaħ iffaċċjaw snin twal ta’ preġudizzji koroh, fl-aħħar deċenju Malta għamlet qabżiet impressjonanti, b’riformi li jassiguraw l-ugwaljanza u bidliet li jdaħħlu l-libertà. X’hemm isbaħ milli l-Ewropa tagħżel lill-aqwa pajjiż fi ħdanha biex itella l-EuroPride ta’ din is-sena. Se nkunu aħna li mmexxu din il-kburija Ewropea favur l-imħabba lejn kulħadd,” qalet Rebecca Buttigieg.
Is-segretarju parlamentari ħabbret ukoll li Malta se tkun qed tospita konferenza internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-persuni LGBTIQ+. Mifruxa fuq jumejn, it-13 u l-14 ta’ Settembru, il-konferenza se tkun qed tipprovdi pjattaforma biex akkademiċi u esperti jesploraw kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw din il-komunità.
Il-konferenza se tmiss suġġetti li jvarjaw minn persuni LGBTIQ+ fl-isport, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun MENA, l-HIV u saħħa sesswali, u r-rwol tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali fl-avvanz tal-ugwaljanza. Mistennija jattendu numru ta’ dinjitarji u uffiċjali għolja u se sservi bħala opportunità ta’ ispirazzjoni u networking għal kull min irid jimpenja ruħu biex jaħdem iktar għal dinja iktar ugwali.
“Waqt din il-konferenza internazzjonali se jkollna l-opportunità li naqsmu prattiċi tajbin li ddaħħlu f’pajjiżna iżda rridu nitgħallmu minn pajjiżi oħra wkoll u nisimgħu l-għarfien u l-esperjenzi ta’ persuni madwar l-Ewropa u lil hinn,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll il-President tal-Allied Rainbow Communities Maria Azzopardi u d-direttur artistiku ta’ EuroPride Valletta 2023 Toni Attard, fejn taw aktar dettalji dwar dak kollu li se jseħħ f’Settembru li ġej, meta l-gżejjer Maltin se jittrasformaw ruħhom f’qawsalla ta’ diversità.
Iktar dettalji dwar EuroPride 2023 jinsabu fuq is-sit https://europride2023.mt/.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en