STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: 26 Għaqda Volontarja tibbenefika minn fondi għal aktar sikurezza fil-kmamar tan-nar
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie mħabbar li 26 għaqda volontarja, li huma involuti fil-piroteknika, ibbenefikaw minn total ta' €170,000 taħt l-iskema għal aktar saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-nar. Dan il-fond, immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti, jiffaċilita aktar investiment biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta' dawn il-kmamar tan-nar u sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f'ambjent aktar sigur.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li permezz ta' din l-iskema qed ikomplu jsaħħu s-settur tradizzjonali kulturali u kreattiv. “Ta' min wieħed jinnota li dawn l-għaqdiet, li jaħdmu fuq bażi volontarja, dejjem ifittxu li joħolqu modi innovattivi biex jorbtu t-tradizzjoni ma' kreazzjoni moderna, u permezz ta' dan il-fond, qegħdin niżguraw ukoll li jinħoloq ambjent aktar sikur għad-dilettanti u voluntiera li jaħdmu fil-kmamar tan-nar," tenna l-Ministru Bonnici.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi tenniet “Fondi ta' dan it-tip jagħtu sapport lill-komunitajiet lokali u jgħinuhom jikbru b'mod sostenibbli. Il-Kunsill Malti għall-Arti kommess li jkompli jaħdem favur il-promozzjoni tal-wirt kulturali tagħna."
Din l-iskema tassisti lill-għaqdiet volontarji sabiex jinvestu f'apparat u armar biex itejbu s-sikurezza. Apparti minn aspetti ta' sikurezza fil-produzzjoni, l-iskema tara li jkun hemm iktar investiment f'riżorsi ta' edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza, investiment f'infrastruttura, kif ukoll restawr tal-kmamar tan-nar.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en