STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Titnieda r-raba’ edizzjoni tal-iskema ‘Irrestawra Darek’ mill-Awtorità tal-Ippjanar
Sidien ta' proprjetajiet antiki għal darb'oħra se jingħataw iċ-ċans jirrestawraw il-faċċati tagħhom b'għajnuna finanzjarja mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif ġiet imnedija ir-raba' edizzjoni tal-iskema 'Irrestawra Darek'. Dan tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Oliver Magro.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li din l-iskema, b'allokazzjoni ta' €5 miljun, ser tgħin lin-nies sabiex ikunu jistgħu jirrinovaw u jsebbħu d-dar tagħhom. Kompla li skemi ta' dan it-tip ikomplu jagħtu l-opportunità biex pajjiżna jżomm il-karatteristiċi ewlenin tal-arkitettura Maltija fil-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna.
Il-Ministru Zrinzo temm billi faħħar l-impenn tal-Awtorità fir-riġenerazzjoni taż-żoni urbani, filwaqt li rrikonoxxa l-apprezzament tal-pubbliku għal din l-iskema hekk kif tixhed l-istess konkorrenza ta' edizzjonijiet preċedenti.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Oliver Magro qal “Dan huwa mod għaqli kif nipproteġu l-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna, billi nikkonservawhom u nżommuhom attraenti, mhux biss għax huma parti integrali mill-wirt arkitettoniku tagħna iżda wkoll għax jirriflettu l-awtentiċità tal-identità tagħna." Huwa żied jgħid li sa mill-2017, l-Awtorità tal-Ippjanar allokat aktar minn €27 miljun u kienet ta' għajnuna għal aktar minn 3,000 sid ta' residenzi f'żoni UCA.
“Wieħed japprezza li bini antik jiswa aktar biex jiġi rinovat peress li jirrikjedi materjali speċifiċi u ħiliet tradizzjonali. Ma nistgħux ninsistu biss li jiġu adottati l-aħjar prattiċi u snajja, speċjalment f'żoni sensittivi bħaċ-ċentri tal-irħula tagħna. Għaldaqstant qed noffru inċentivi ta' appoġġ finanzjarju lis-sidien tad-djar biex nilħqu l-għan tagħna," temm jgħid is-Sur Magro.
Permezz ta' din l-iskema, residenti li għandhom il-propjetà tagħhom fi kwalunkwe lokalità f'Malta u Għawdex li jaqgħu f'Żoni ta' Konservazzjoni Urbana (UCA) jew huma skedata fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad se jkunu jistgħu jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom u jirċievu rifużjoni ta' 100% għax-xogħlijiet sa massimu ta' €11,000 f'żoni UCA u ta' €16,000 għar-residenzi skedati fl-Ewwel jew fit-Tieni Grad.
Parti mill-istess rifużjoni se tinkludi wkoll sa €800 għall-ħlasijiet għal servizzi professjonali eliġibbli (inklużi spejjeż ta' periti) u €200 għall-ħlas ta' permessi tal-Kunsill Lokali. Proprjetajiet residenzjali li diġà bbenefikaw minn edizzjonijiet preċedenti tal-istess skema mhux se jkunu eliġibbli. €4 miljun qed jiġu allokati għal proprjetajiet residenzjali f'UCA, filwaqt li €1 miljun qed jiġu allokati għal proprjetajiet residenzjali skedati.
Is-sottomissjonijiet għal din l-iskema se jibdew jintlaqgħu minn nhar it-Tlieta, 30 ta' Mejju 2023 u jagħlqu fit-30 ta' Ġunju 2023 għar-residenzi f'żoni UCA, filwaqt li għal proprjetajiet skedati s-sottomissjonijiet se jintlaqgħu bejn it-Tlieta, 6 ta' Ġunju 2023 u s-6 ta' Lulju 2023. Għal aktar informazzjoni tista' żżur is-sit pa.org.mt u tniżżel il-linji gwida jew tibgħat email fuq irrestawradarek2023@pa.org.mt .
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll il-Perit Ray Farrugia, Chairperson tal-Kumitat tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF).
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en