STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL: Inawgurat ċentru għaż-żgħażagħ fl-Imsida
Ġie inawgurat ċentru għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ fl-Imsida, li huwa immirat sabiex jgħin żgħażagħ li jkunu qed jiffaċċjaw xi sfidi soċjali. Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) illi se tkun qed tmexxi dan is-servizz ħolistiku.
Dan is-servizz innovattiv se jkun qed jibni fuq il-'youth in focus' li twaqqaf fl-2013 u li kompla jissaħħaħ tliet snin wara permezz tal-'adolescent day programme' u l-'embark for life'. Issa, dawn il-programmi se jkomplu jingħataw b'aktar effiċjenza taħt saqaf wieħed. Kull servizz li ser jingħata minn dan iċ-ċentru huwa immirat sabiex jibni fiduċja u reżiljenza f'dawn l-adolexxenti. Ħafna drabi dawn iż-żgħażagħ ikunu għaddejjin minn diffikultajiet fuq livell personali, familjari u anke finanzjarju.
Għaldaqstant dan is-servizz taħt saqaf wieħed se jkun qed jagħti spinta u sostenn kontinwu lil dawn iż-żgħażagħ sabiex ikomplu jesploraw ħiliet u talenti moħbija fihom infushom. Din il-faċilità ser tkun qed tgħin ukoll sabiex l-interventi maż-żgħażagħ isiru f'ambjent li huma jirrelataw miegħu u jħossuhom komdi f'ambjent informali.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa mod ieħor ta' kif jindirizzaw il-bżonnijiet taż-żgħażagħ, fejn permezz ta' din l-outreach, huma stess iħossuhom komdi jkomplu jinvestu fihom infushom u l-futur tagħhom. “Aktar minn hekk, ngħinuhom isaħħu l-ħiliet tagħhom biex ikollhom opportunitajiet ta' xogħol, filwaqt li nagħtu l-għodod edukattivi u akkademiċi kollha sabiex nimmassimizzaw il-potenzjal ta' kull wieħed minnhom," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en