STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Pass fid-direzzjoni t-tajba biex tiġi indirizzata l-obeżità fost it-tfal fl-Ewropa – Dr Lydia Abela tindirizza Summit fil-Kroazja
F'Summit f'Zagreb li n-nisa u l-irġiel tal-Mexxejja Ewropej ipparteċipaw fih, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela rrimarkat għall-pass importanti ta' ħolqien ta' Network ta' Prevenzjoni mill-Obeżità fost it-Tfal fir-reġjun Ewropew fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-WHO. Fil-kapitali Kroata fejn ġie trattat is-suġġett tal-obeżita fost it-tfal, Dr Abela saħqet fuq il-bżonn ta' strateġija ħolistika li tħares lejn l-uċuħ kollha tal-kwistjoni biex l-obeżità fost it-tfal tkun indirizzata tassew minn diversi aspetti.
F'indirizz f'Summit li Dr Abela attendiet fuq stedina ta' mart il-President tal-Kroazja, il-Professur Sanja Musić Milanović, saħqet li l-importanza tal-attività fiżika u l-promozzjoni ta' ikel bnin jimxu id f'id. Hawn irrimarkat għall-passi li qed jittieħdu f'Malta fosthom mhux biss biż-żieda ta' lezzjonijiet tal-attività fiżika fl-iskejjel iżda anki bil-promozzjoni ta' ikel nutrittiv fl-iskejjel, fosthom fil-breakfast clubs fl-iskejjel tal-istat. Innutat ukoll miżuri li se jieħu l-Gvern Malti marbuta mat-tisħiħ ta' kreditu tat-taxxa għall-ġenituri ħaddiema li jibagħtu lill-uliedhom għall-attivitajiet extra-kurrikulari fosthom dawk sportivi.
Lydia Abela spjegat ukoll kif pajjiżna qed ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva tiegħu b'investimenti kapitali li qed igawdu minnhom il-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada. Dan biex jibqa' jkollna wkoll soċjetà attiva. Fissret ir-realtà tal-obeżità fost it-tfal bħala waħda ta' sfida u li ma nistgħux indawru wiċċna għaliha. Ħeġġet biex b'mod kollettiv bħala komunità internazzjonali naħdmu flimkien biex nindirizzaw din l-isfida u laqgħet il-pass li qed jittieħed taħt il-kappa tad-WHO bl-involviment tad-Direttur tar-Reġjun Ewropew, Dr Hans Henri P. Kluge.
Dr Abela sostniet li d-djalogu ma' partijiet interessati importanti fil-qasam tas-saħħa jibqa' wieħed kruċjali biex l-isfida tal-obeżità fost it-tfal mhux biss tiġi indirizzata mill-għeruq iżda jkun hemm ukoll ħidma ta' prevenzjoni għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri. F'dan il-kuntest semmiet kif Malta tibqa' miftuħa biex tikkontribwixxi anki fuq livell internazzjonali f'dan ir-rigward u awgurat lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li ġie nominat bħala President tas-76 Assemblea tad-WHO u li se ssir aktar tard dan ix-xahar f'Ġinevra.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en