STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Malta għaddejja b’ħidma favur housing affordabbli flimkien ma’ xogħol ta’ riġenerazzjoni ta’ djar b’karattru Malti
Matul il-jum tal-Ħamis, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi indirizza l-Konferenza Ministerjali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Urban organizzata mill-Unjoni tal-Mediterran li saret fil-kapitali tal-Kroazja, Zagreb.
Waqt din il-konferenza, il-Gvern Malti laqa' d-dikjarazzjoni politika tal-Unjoni tal-Mediterran biex tkun żviluppata gwida ta' azzjonijiet strateġiċi fuq l-iżvilupp urban sostenibbli fir-reġjun kollu tal-Mediterran. Din id-dikjarazzjoni kienet inkluża fid-dokument finali tal-konferenza ministerjali.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi f'diskors li għamel lill-konferenza ħeġġeġ biex l-azzjonijiet li jitfasslu għall-iżvilupp urban sostenibbli jkunu jippermettu li dawn jiġu addattati skont l-għanijiet u l-miri ta' stati rispettivi. Huwa enfasizza li Malta għandha karatteristiċi uniċi minħabba d-daqs tagħha u għaldaqstant stati żgħar bħal Malta jridu jiffukaw fuq dawn il-partikolaritajiet lokali.
Fl-isfond ta' dan, il-Ministru stqarr li l-Gvern Malti se jkompli jagħti prijorità lill-politika tiegħu favur housing affordabbli u anke jsaħħaħ l-inizjattivi li diġà ttieħdu biex tkompli ssir riġenerazzjoni ta' postijiet ta' abitazzjoni antiki fil-qalba tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.
Huwa tenna li l-pajjiżi kollha li għandhom kosta fil-Mediterran għandhom responsabbiltajiet u sfidi komuni u għaldaqstant iridu jimxu flimkien biex jindirizzaw l-isfida tal-bidla fil-klima billi fost affarijiet oħra jinvestu favur aktar sostenibbiltà.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi ltaqa' ma' diversi ministri mir-reġjun tal-Mediterran, b'responsabbiltajiet varji dwar il-kostruzzjoni, l-ippjanar u l-iżvilupp urban, li attendew il-konferenza li kienet organizzata mill-Unjoni tal-Mediterran u l-Gvern tal-Kroazja. L-Unjoni Ewropea kienet rappreżentata fil-Konferenza mill-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en