STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titnieda l-iskema Technology Extension Support Programme
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda l-iskema ‘Technology Extension Support Programme’ (TESP). Din l-iskema hija parti mill-programm FUSION, il-programm nazzjonali ta’ fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).
L-għan tal-iskema TESP huwa li tinċentiva lill-industrija sabiex tfittex sapport tekniku minn Istituzzjonijiet Edukattivi Għolja sabiex b’mod proattiv tiżgura li jkollha prodott innovattiv, ta’ kwalità u li jħalli profitt. Din l-iskema hija maħsuba li tinkorpora r-riċerka u l-innovazzjoni f’kull stadju tal-iżvilupp tal-prodott jew il-proċess, u fl-istess waqt tinċentiva l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati.
L-entitajiet privati Maltin jistgħu jibbenifikaw sa massimu ta’ €40,000 għal kull proġett fuq firxa ta’ 15-il xahar. Permezz ta’ din l-iskema qed tiġi mwettqa miżura oħra tal-Budget 2023 biex jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bil-parteċipazzjoni tas-settur privat bi proġetti innovattivi f’diversi oqsma.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti qal li din l-iskema se ssaħħaħ aktar il-kollaborazzjoni bejn is-settur privat u dak akkademiku. “Din hija miżuri oħra mħabbra fil-baġit li l-gvern qiegħed iwettaq. Dan hu sinjal ċar li l-gvern jemmen bis-sħiħ fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sors għat-tkabbir ekonomiku,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese qal li l-għan ta’ TESP huwa li jrawwem sħubijiet bejn entitajiet privati biex jiksbu għajnuna teknika minn Istituzzjonijiet Edukattivi Għolja. Huwa żied jgħid li permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet, l-istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jkomplu jixprunaw ekonomija bbażata fuq l-għarfien, li tikkontribwixxi għal soċjetà reżiljenti.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn Technology Extension Support Programme - MCST
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en