STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Il-Mediterrane Film Festival f’Malta għal Ġunju li ġej
Għal ewwel darba, ser jitella’ f’pajjiżna il-Mediterrane Film Festival. Permezz ta’ dan l-avveniment, li ser isir bejn il-25 u t-30 ta’ Ġunju 2023, ser naraw il-pajjiżi tal-MED9 (Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, is-Slovenja, il-Kroazja u Malta) jingħaqdu f’pajjiżna biex jiddiskutu l-importanza tal-kollaborazzjoni Mediterranja fid-dinja ċinematografika.
Il-Mediterrane Film Festival ser iservi bħala opportunità unika biex jiġbor flimkien pajjiżi differenti tal-Mediterran f’ċelebrazzjoni li tesponi t-talenti kreattivi u artistiċi li joffri dan ir-reġjun. L-avveniment, li se jsir fil-Belt Valletta u f’diversi postijiet oħra madwar Malta, huwa maħsub li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fis-suq globali tal-films u jattira aktar proġetti ta’ films lejn pajjiżna.
Għal dan il-festival ser jattendu produtturi tal-films internazzjonali, eżekuttivi ta’ studios, produtturi, diretturi, kif ukoll rappreżentanti mill-Mediterranean Film Commissions, il-British Film Commission u Hollywood Studios.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt it-tnedija ta’ dan il-festival f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech u l-Ambaxxatur Taljan għal Malta Fabrizio Romano fil-preżenza ta’ ambaxxaturi u rappreżentanti mill-pajjiżi tal-MED9.
Il-Ministru Clayton Bartolo enfasizza fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni li permezz tagħha fi spirtu ta’ għaqda jinbena futur sabiħ għall-industrija tal-films Maltija.
“Apparti dan il-festival internazzjonali, ser naraw li nibnu l-ġenerazzjoni li jmiss f’din l-industrija fosthom billi ninvestu €500,000 għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-films kif ukoll f’summer camp għal tfal ta’ bejn l-10 u l-11-il sena. Ser nintroduċu inċentiv ieħor ta’ €100,000 li għandu l-ħsieb jappoġġja lill-produtturi tal-films emerġenti billi jiġu pprovduti r-riżorsi biex jtellgħu short film,” saħaq il-Ministru Bartolo.
Huwa żied jgħid li l-Kummissjoni Maltija għall-Films ser tiffaċilita l-investiment fl-industrija tal-films bil-ħolqien ta’ helpdesk fi ħdan l-istess Kummissjoni biex tgħin lill-industrija lokali tal-films tapplika għal diversi fondi lokali u Ewropej kif ukoll assistenza mas-settur bankarju biex jiġu offruti soluzzjonijiet aktar attraenti għall-finanzjament f’din l-industrija.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech stqarr li d-daqs ta’ pajjiżna qatt ma kien ta’ detriment biex Malta tkompli tikber fl-aspirazzjonijiet tagħha. “Il-Mediterrane Film Festival se jġib flimkien id-disa’ nazzjonijiet uniċi tal-Mediterran biex jiċċelebraw il-qawwa tal-għaqda, il-qawwa tal-kreattività u l-qawwa tal-opportunità,” qal is-Sur Grech.
L-Ambaxxatur Taljan għal Malta Fabrizio Romano semma wkoll kif dan il-festival ser iservi bħala ġieħ għall-valur tal-kooperazzjoni u l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran li jaħdem flimkien fl-arti tal-films.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en