STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport fuq Verifika tal-Prestazzjoni: Ensuring fair Non-Contributory Social Benefits and safeguarding against related fraud
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia r-rapport hawn fuq imsemmi.Dan l-istudju eżamina jekk il-benefiċċji soċjali mhux kontributorji (NCSBs) humiex qed jiksbu l-iskop maħsub tagħhom, u jekk l-għoti tagħhom hux qed jiġi regolat u mmonitorjat b'mod adekwat.
Skont informazzjoni ppubblikata mill-NSO, l-NCSBs imqassma lil individwi li, għal xi raġuni jew oħra, mhumiex f'impjieg (u għalhekk jirrikorru għal dan il-qafas ta' għajnuna soċjali biex jiżguraw dħul), ammontaw għal Eur201m fis-sena 2021. Din il-verifika iżda sabet li hemm bżonn li jsir iktar sforz sabiex jinstab il-bilanċ delikat fit-tqassim ta' NCSBs bejn li jiġi żgurat li individwi li ħaqqhom jingħataw dħul suffiċjenti biex jiżguraw livell minimu ta' għajxien deċenti, filwaqt li jiġi aċċertat li d-disponibbiltà ta' dawn il-benefiċċji ma tkunx estiża għal individwi li jistgħu jew jidħlu f'impjieg bi qligħ jew li għandhom ġid sinifikanti. Speċifikament, l-Uffiċċju kkonkluda li familja ta' erba' membri (li tikkonsisti minn żewġ adulti u żewġt itfal) li m'għandhom l-ebda għażla ħlief li jiddependu fuq NCSBs, mhux qed jirċievu dħul suffiċjenti biex jilħqu livell minimu ta' għajxien diċenti. Min-naħa l-oħra, filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li l-benefiċjarji tal-NCSB naqsu matul dawn l-aħħar snin, huwa tal-fehma li prekwiżiti ta' eliġibbiltà fil-preżent jagħtu opportunità lil individwi li ma jistgħux jitqiesu bħala finanzjarjament vulnerabbli biex jieħdu dawn il benefiċċji.
Il-Benefits Compliance Unit (BCU) ġiet eżaminata fil-kapaċità tagħha bħala l-korp ta' monitoraġġ u infurzar rigward NCSBs. Din l-analiżi wriet li, għalkemm l-ispetturi ta' dan id-dipartiment qegħdin iwettqu dmirijiethom b'mod diliġenti matul spezzjonijiet fil-postijiet ta' residenza tal-benefiċjarji investigati, jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi ta' spezzjoni fuq allegazzjonijiet relatati max-xogħol. Barra minn hekk, in-numru ta' spetturi fi ħdan il-BCU huma meqjusa ftit wisq u allokati b'mod ineffiċjenti.
Dan l-istudju sab ukoll li spezzjonijiet fuq il-post huma, fil-biċċa l-kbira, reattivi u jitwettqu biss wara li jkunu saru rapporti ta' allegati irregolaritajiet mingħand terzi persuni. Minkejja li d-Dipartiment iniedi inizjattivi b'mod proattiv minn żmien għall-ieħor, dawn isiru b'mezz ta' riċerka minn ġol-uffiċċju tad-Dipartiment minflok b'spezzjoni fiżika fuq il-post, sakemm ma jkunx hemm suspetti serji li jimmerita dan. Bl-istess mod, il-BCU m'għandux sistema fejn fuq bażi perjodika, jintgħażlu kapjuni ta' spezzjonijiet proattivi. L-NAO jsostni li l-inizjattivi li jsiru minn ġol-uffiċċji tal-BCU, filwaqt li għandhom il-mertu tagħhom, qatt ma jistgħu jagħtu stampa komprensiva lill-ispettorat sakemm dawn ma jkunux issostanzjati bi spezzjonijiet fuq il-post. Dan l-uffiċċju jħoss li spezzjoni fuq il-post hija l-għodda l-aktar b'saħħitha biex jiġu identifikati indikazzjonijiet li l-benefiċjarju investigat ikun jgħix lil hinn mill-mezzi tiegħu, jew ikun qed jgħix f'ċirkostanzi differenti minn dak li hu ddikjarat uffiċjalment.
Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-ftehimiet li għandha l-BCU mal-banek lokali, fejn ta' kull xahar dawn jipprovdu lill-BCU informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji (minħabba t-testijiet tal-mezzi kapitali applikabbli dwar l-eliġibbiltà tal-NCSBs), jistaqsi għaliex arranġamenti simili mhumiex fis-seħħ ma' partijiet interessati oħra, partikularment Transport Malta u t-Tax Compliance Unit. Kif inhi s-sitwazzjoni, id-Dipartiment ikollu jitlob b'mod attiv għal informazzjoni mingħand dawn il-partijiet interessati flok jirċievi informazzjoni perjodikament.
Fl-aħħar nett, dan l-awditu sab li filwaqt li d-Dipartiment għandu Standard Operating Procedures fis-seħħ, dawn għandhom bżonn ikunu miktuba b'mod aktar komprensiv, partikularment fir-rigward tal-mod li bih l-ispetturi huma mistennija li jwettqu spezzjonijiet fiżikament fuq il-post.
Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b'mod komprensiv f'dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-uffiċċju. Ir-rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook, www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en