STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Konferenza informattiva għall-kunsilli lokali dwar il-proġett tal-Kummissjoni Ewropea ‘Building Europe with Local Councillors’
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli indirizzat konferenza immirata għall-membri eletti tal-kunsilli lokali rigward il-proġett tal-Kummissjoni Ewropea 'Building Europe with Local Councillors' (BELC). Dan il-proġett joffri opportunità ta' affiljazzjoni għall-politiċi Ewropej eletti fuq bażi lokali, bil-għan li tinħoloq alleanza b'saħħitha bejn l-istrutturi tal-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet lokali.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari qalet li l-alleanza bejn sindki u kunsilliera Maltin u Għawdxin ma' dawk Ewropej tista' tkun għodda addizzjonali u b'saħħitha għat-titjib fl-effettività fit-tmexxija tal-kunsilli lokali.
“Meta nibnu relazzjonijiet ma' stati membri Ewropej inkunu qed inħeġġu l-possibilità li naqsmu l-għarfien sabiex flimkien insibu soluzzjonijiet li jindirizzaw sfidi komuni, filwaqt li nippromwovu kollaborazzjonijiet u ideat madwar muniċipalitajiet u lokalitajiet Ewropej differenti," saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Din il-konferenza kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Direttur tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli min-networks ta' komunikazzjoni fl-istati membri, Alessandro Giordani, fejn ta preżentazzjoni li trattat l-importanza tal-alleanza bejn il-politiċi tal-gvernijiet lokali Ewropej.
Waqt din il-konferenza saret ukoll preżentazzjoni miċ-Ċentru tad-Dokumentazzjoni Ewropew u mit-tliet Ċentri Europe Direct f'Malta u Għawdex li jieħdu ħsieb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini dwar l-Unjoni Ewropea.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm diversi sindki u kunsilliera tal-kunsilli lokali u presidenti tal-kunsilli reġjonali.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en