STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA INWETTQU FLIMKIEN: Imnedija l-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità, 116 006
Tnediet il-linja nazzjonali ta' sapport għall-vittmi tal-kriminalità bin-numru 116 006, li ser tibda topera b'mod uffiċjali mit-Tnejn, l-1 ta' Mejju. Din il-linja ser titħaddem mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, il-VSA. It-tnedija ta' din il-linja saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, Brian Farrugia u tal-Kap tat-Taqsima għas-Servizzi tal-Vittmi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Ispettur Sylvana Gafà.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tfisser li n-numru 116 006 hu numru uniku li wieħed faċli jiftakru u li bih kull ċittadin Ewropew, kemm f'pajjiżu stess kif ukoll f'xi pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, jista' juża malajr biex jikseb l-għajnuna wara li jisfa' vittma ta' aġir krimini. Għalhekk, permezz ta' din il-linja li ser taħdem mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi f'festi pubbliċi, bejn is-7:30am u s-7:30pm, dawk il-vittmi ta' kull tip ta' kriminalità se jkunu jistgħu jitolbu s-servizzi li toffri l-aġenzija permezz ta' telefonata.
Sa issa, l-aġenzija toffri s-servizzi tagħha minn tliet ċentri, f'Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija Għawdex. Fost is-servizzi bla ħlas li toffri din l-aġenzija, hemm servizzi emozzjonali u psikoloġiċi, servizzi ta' għajnuna legali kif ukoll issegwi u tagħti servizz ta' aċċess għal informazzjoni jew aġġornamenti dwar rapporti li jsiru lill-pulizija.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-linja 116 006 hija biss waħda mid-diversi servizzi li tnedew li huma ta' appoġġ lill-vittmi. Spjega li se tkun linja telefonika li toffri l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll taċċessa servizz ta' appoġġ filwaqt li tagħti spazju lill-vittmi u tirreferihom skont il-bżonnijiet tagħhom.
“Kull vittma, irrispettivament mill-kaġun tal-vittimizzazzjoni tagħha, għandha bżonn il-wens, is-simpatija, il-ħarsien u l-għajnuna professjonali u umana biex tgħinha tgħaddi mill-burraxka li tkun għaddejja minnha. Għal dan il-għan, sentejn ilu, konna waqqafna l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità li tajnieha l-inkarigu li tappoġġa u ssostni lill-vittmi tal-kriminalità u fl-istess ħin toħloq għarfien fil-komunità dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Dak is-servizz qed inkomplu nsaħħuh,"temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Brian Farrugia, spjega li fis-sentejn li ilha mwaqqfa l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, diġà għenet madwar 3,000 vittma tal-kriminalità li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-15 u t-80 sena. Qal li l-maġġoranza ta' dawn il-persuni kienu vittmi ta' reati relatati ma' vjolenza domestika, segwiti minn frodi u serq, insulti u theddid, ħsarat fuq proprjetà, swat u vjolenza oħra ta' natura fiżika.
“Il-filosofija tal-aġenzija hi li toffri servizz orjentat lejn il-vittma u 'l bogħod mir-riskju ta' vittimizzazzjoni doppja. L-għan aħħari tagħna hu li tgħin lill-vittma tirkupra mit-tbatija u tikseb kwalità ta' ħajja aħjar," ikkonkluda s-Sur Farrugia.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en