STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Servizz speċjalizzat fil-komunità għall-pazjenti li jfiqu mill-kanċer
Il-Kura għas-Saħħa Primarja estendew is-servizzi tagħhom fil-komunità għall-pazjenti li fiequ mill-kanċer u li minn żmien għal żmien ikollhom bżonn testijiet ta' sorveljanza għall-prevenzjoni tar-rikorrenza tal-kanċer. Sa issa dan is-servizz qed ikun offrut lill-pazjenti li fil-passat kellhom kanċer fil-prostata u fit-thyroid, madanakollu l-ħsieb hu li s-servizz jespandi għal tipi oħra ta' kanċer.
Fi żjara fil-klinika tal-komunità ta' Ħ'Attard, wieħed mill-kliniċi minn fejn qed jaħdem il-Cancer Survivorship Clinic, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa' m'uħud mill-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz. Magħhom tkellem dwar il-pjan tal-awtoritajiet għas-saħħa sabiex jingħataw iżjed servizzi fil-komunità u kif inizjattiva bħall-cancer survivorship clinic qed jevita li l-istess pazjenti jmorru l-Isptar Mater Dei għal dawn it-testijiet.
Sa issa huma 87 il-pazjenti li qed jużaw dan is-servizz. It-Tabib JP Tabone, li qed imexxi dawn il-kliniċi spjega kif il-pazjenti jiġu riferuti mill-konsulenti, kirurgi jew onkoloġisti tagħhom għal dan is-servizz u li meta jiġu għall-appuntament, it-tobba tal-Kura Primarja, li speċjalizzaw f'dan il-qasam, jinvistawhom b'mod ħolistiku sabiex jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet mediċi li mhumiex neċessarjament relatati mal-kanċer.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar it-tmexxija tal-Kura tas-Saħħa Primarja ta' din l-inizjattiva, filwaqt li awgura li s-servizz ikompli jespandi fil-futur qrib.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en