STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Inwettqu Flimkien: Faċilitajiet sportivi ġodda fil-Higher Secondary tan-Naxxar b’investiment ta’ €12-il miljun
Beda x-xogħol fuq faċilitajiet sportivi ġodda fil-kumpless edukattiv Kulleġġ Maria Reġina Giovanni Curmi Higher Secondary School fin-Naxxar, b'investiment ta' €12-il miljun.
Dan huwa proġett li se jikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi eżistenti fil-cluster ta' skejjel li hemm, prinċipalment fl-Iskola Medja fil-Kulleġġ Maria Reġina u l-Language Induction Hub.
“Il-ħidma tagħna fis-settur edukattiv mhix biss fl-infrastruttura u l-ambjent edukattiv, imma hija mifruxa wkoll biex naraw li jkun hemm titjib fil-faċilitajiet sportivi u rikreattivi fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, hekk kif żar ix-xogħol li għaddej biex jinbnew dawn il-faċilitajiet sportivi ġodda.
Huwa tenna li permezz ta' dan il-proġett mhux biss se jgawdu l-istudenti imma huwa wkoll proġett komunitarju, għaliex wara l-ħin tal-iskola se jkun jista' jintuża mill-komunità, fosthom il-Klabb tal-Football tan-Naxxar Lions. “Fil-ħidma tagħna qed naraw li nestendu l-użu ta' dawk il-faċilitajiet li nistgħu lill-komunità, ħalli l-ispazji ma jitħallewx vojta wara l-ħinijiet tal-iskola. B'hekk qed dejjem inqarrbu l-edukazzjoni u l-isport mal-komunitajiet ta' pajjiżna," qal il-Ministru Grima.
Wara li s-sit tnaddaf, issa qed isir xogħol ta' skavar, taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Il-ground tal-futbol se jkun mifrux fuq 9,800 metru kwadru u se jinkludi pitch għal-logħob 11-a-side. Fil-ground se jkun hemm ukoll stand għall-ispettaturi u bosta faċilitajiet oħrajn fosthom gymnasium, faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada Neville Young ta spjegazzjoni tax-xogħol li għaddej u qal li taħt il-ground se jkun hemm parkeġġ għal madwar 500 karozza.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina Patrick Decelis u l-Kap tal-Iskola Anna Spiteri.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942