STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Imħabbra skemi għall-kunsilli lokali għal proġetti u inizjattivi fil-qalba tal-komunitajiet
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbret l-iskemi għall-kunsilli lokali għal din is-sena. L-għan ewlieni ta' dawn l-iskemi huwa li l-kunsilli lokali jkollhom l-għodda neċessarja sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet li jinbidlu maż-żminijiet u b'hekk ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom.
“Permezz ta' dawn l-iskemi li qed inniedu llum, qed niddelegaw il-fiduċja tagħna fil-kunsilli lokali. Il-ħidma tal-kunsilli fil-qalba tal-lokalitajiet u mal-komunitajiet f'pajjiżna tikkumplimenta dik tal-gvern. Għaldaqstant dawn l-iskemi finanzjarji se jkunu qed jgħinu sabiex dan ikompli jsir," saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
L-iskemi ta' finanzjament għall-kunsilli lokali għal din is-sena jinkludu:
- Skema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali u Attivitajiet tal-Milied
- Skema għall-Komunitajiet Aktar Siguri u Organizzati
- Fond ta' Manutenzjoni u Sostenn ta' Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali
- Skema għal Spazji Aktar Miftuħa, Rikreattivi u Aċċessibbli
- Espressjoni ta' Interess għal Servizz ta' Manutenzjoni fil-Libreriji Lokali u Reġjonali fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex
- Espressjoni ta' Interess għall-Inizjattivi għal World Cleanup Campaign 2023
- Espressjoni ta' Interess għall-Implimentazzjoni tal-Kunċett School Grannies
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li t-triq 'il quddiem hija li tinvolvi mekkaniżmu ġdid għall-finanzjament tal-iskemi għall-kunsilli lokali. “Mekkaniżmu li għandu jinvolvi l-evalwazzjoni ta' ħtiġijiet proposti mil-pjan ta' ħidma mfassal mill-kunsilli lokali u reġjonali nfushom" stqarret is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Ġie mħabbar ukoll li għal din is-sena l-kunsilli reġjonali ġew iffinanzjati ftit aktar minn €2 miljun, hekk kif kien imwiegħed fil-miżuri elettorali. Dan sabiex fil-lokalitajiet tagħna jiġu introdotti latrini pubbliċi b'sistemi ta' tindif awtomatiċi bl-użu tal-aħħar teknoloġija disponibbli. Ser tiġi mġedda wkoll l-iskema finanzjarja tar-Reġjun Kulturali għas-sena 2024, b'finanzjament ta' €250,000. L-impjiegi tal-ħaddiema taħt l-iskema Community Inclusive Employment Scheme ser jiġu mġedda b'finanzjament ta' madwar €350,000.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard qal li “permezz ta' dawn l-iskemi l-kunsilli lokali qed jagħtu mhux biss servizz addizzjonali, iżda qed jirnexxielhom isostnu drawwiet u tradizzjonijiet, u kif ukoll jieħdu inizjattivi favur il-benesseri tar-residenti tagħhom."
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u diversi presidenti tal-kunsilli reġjonali, sindki u segretarji eżekuttivi.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942