STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Għotja sa massimu ta’ €250,000 fi kreditu tat-taxxa f’sena għal min jinvesti fi start-ups
Investituri jistgħu jingħataw għotja sa massimu ta' €250,000 kreditu tat-taxxa meta jinvestu fi proġetti ta' start-ups lokali. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, hekk kif nieda s-Seed Investment Scheme.
Il-Ministru Schembri spjega kif ħafna ideat ta' start-ups qatt ma jieħdu l-ħajja minħabba nuqqas ta' investiment u għalhekk din l-iskema se tkun qed tgħaqqad dawn iż-żewġ elementi flimkien. “Se nkunu qegħdin niffukkaw fuq start-ups innovattivi, b'teknoloġiji ġodda u diġitalizzazzjoni, biex b'hekk ngħaqqdu wkoll mal-prinċipju ewlieni fl-istrateġiji Malta Diġitali li nedejna f'Novembru, dik li naraw aktar tkabbir fejn tidħol ekonomija diġitali," qal il-Ministru Schembri.
Il-ministru spjega li permezz ta' din l-iskema se jkunu wkoll qed jgħinu lill-investituri biex jinvestu fi proġetti differenti u li jista' jkun li jmorru lil hinn minn xiex jinvestu normalment. “B'hekk nibqgħu niżguraw li jkollna ekonomija diversifikata. Din ir-reżiljenza fl-ekonomija tagħna kienet kruċjali biex għelibna żminijiet ekonomikament diffiċli bħal ma kienet il-Covid, fejn kellek industriji li kienu qed ibatu, kellek oħrajn li kienu sejrin aktar tajjeb u din it-taħlita żammet l-ekonomija tagħna ħajja," qal il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIMCOL Dr Jean Pierre Attard spjega li biex kumpanija tkun eliġibbli bħala start-up, trid tkun kumpanija tad-daqs żgħir jew medju inkorporata f'Malta, tkun ilha attiva tliet snin, ma tkunx imniżżla fil-Borża, tħaddem inqas minn 10 persuni u jkollha inqas minn €250,000 f'assi.
Din l-iskema se tkun miftuħa għal sentejn u se titħaddem mill-MIMCOL. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn seedinvestment.com.mt.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en