STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Sit abbandunat fin-Naxxar trasformat f’outdoor gym
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, inawgura outdooor gym ġdid fil-lokalità tan-Naxxar.
L-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF) iffinanzjat 'il fuq minn €120,000 għal dan il-proġett li se jġib bosta benefiċċji lill-komunità tan-Naxxar.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan is-sit abbandunat ġie ttrasformat f'outdoor gym li se joffri ambjent sigur għal nies ta' kull età li fih jistgħu jagħmlu attività fiżika. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li, “Grazzi għal dan il-fond, l-Awtorità tal-Ippjanar qed twettaq diversi proġetti b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali li huma maħsuba biex isaħħu s-sens ta' komunità."
Il-ministru temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar ta' din l-inizjattiva filwaqt li ħeġġeġ aktar kunsilli lokali biex joħolqu aktar proġetti ta' dan it-tip fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar tal-impenn tiegħu sabiex bidel din iż-żona f'waħda rikreattiva għar-residenti. “Dan huwa proġett ieħor li jirrifletti l-prattiċi tajba tal-kunsilli lokali. Permezz ta' dan il-proġett, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar qed isostni l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku u l-isport fil-qalba tal-lokalità tan-Naxxar," saħqet Alison Zerafa Civelli.
Is-Sur Oliver Magro, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal li, “Dan il-proġett huwa riżultat ta' sforz kollaborattiv tal-kunsill lokali tan-Naxxar li għaraf il-bżonn ta' outdoor gym aċċessibbli fiż-żona. Aħna nemmnu li dan il-gym huwa riżors siewi għall-komunità, li jippromwovi s-saħħa fiżika u l-benesseri ġenerali filwaqt li jipprovdi wkoll spazju akkoljenti u attraenti li jista jitgawda minn kulħadd."
Is-Sinjura Anne Marie Muscat Fenech Adami qalet li l-għan ewlieni tal-kunsill lokali huwa li jaħseb għall-ġid ta' kull ċittadin. “Aħna bħala kunsill kommessi li nkomplu ninvestu f'aktar spazji ħodor u ta' rikreazzjoni għar-residenti tagħna n-Naxxarin."
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en