STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Iffirmat ftehim favur il-proġett ta’ School Grannies fix-Xewkija, Għawdex
Tfal u anzjani mix-Xewkija Għawdex issa jistgħu jgawdu mill-proġett ta' School Grannies li twaqqaf lura fl-2021. Dan grazzi għall-ftehim li ġie ffirmat bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija. B'hekk tfal fix-Xewkija issa se jkollhom persuni anzjani jassistuhom huma u deħlin u ħerġin mill-iskola primarja.
Għall-iffirmar tal-ftehim attendew il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, fejn ġie spjegat kif diġà nħarġet espressjoni ta' interess biex persuni li għandhom 'il fuq minn 60 sena juru l-interess tagħhom li jkunu School Grannies ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija. Fil-fatt, kien hemm tliet anzjani li wrew l-interess li jidħlu għal dan il-proġett, u għalhekk ingħatalhom taħriġ dwar ir-rwol tagħhom bħala School Grannies qabel ma bdew f'dan l-inkarigu.
Il-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex ġew imħeġġa biex isegwu iż-żewġ lokalitajiet li diġà qed iħaddmu l-idea ta' School Grannies sabiex issa dan il-proġett jitwettaq fuq bażi nazzjonali. Din l-inizjattiva twaqqfet biex jiġu mħeġġa persuni ikbar fl-età li rtiraw mix-xogħol jew li issa naqsulhom ir-responsabbiltajiet familjari, biex jibqgħu attivi fil-komunità u kif ukoll biex tiġi mħeġġa interazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet.
L-irwol ta' School Grannies jitlob li l-persuni b'din ir-responsabbiltà jkunu ħdejn l-iskola biex jilqgħu lit-tfal waqt li deħlin u ħerġin mill-iskola skont skeda ppreparata mill-Kunsill Lokali. Huma jassistu wkoll lit-tfal fit-trasport ipprovdut ukoll mill-Kunsill Lokali billi jkunu magħhom fil-vann. B'kollaborazzjoni mal-pulizija, huma jgħinu wkoll biex iwaqqfu u/jew jidderieġu t-traffiku u jgħinu lit-tfal biex jaqsmu t-triq.
Il-Ministru Jo Etienne Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim li jkompli jassigura li l-anzjani f'pajjiżna jkunu attivi fil-komunitajiet. Huwa qal ukoll li l-mudell li bbenifika minnu l-Kunsill ta' Bormla huwa mudell tajjeb u għaldaqstant tali inizjattivi għandhom jitwessgħu f'kull lokalità f'pajjiżna. “Fl-istrateġija tagħna għas-sebgħa snin li ġejjin, qed nisħqu fuq il-prinċipju ta' aktar interazzjoni interġenerazzjonali, dan filwaqt li nibqgħu kommessi li l-kunċett ta' etaiżmu jispiċċa," temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tenniet: “Huwa ta' sodisfazzjon li nara li dan il-proġett qed ikun imħeġġeġ li jinfirex fuq bażi nazzjonali hekk kif l-ewwel school grannies bdew bħala proġett pilota fl-2021 fil-lokalità ta' Bormla. Nemmen bi sħiħ fl-importanza tal-attività interġenerazzjonali fil-qalba tal-komunitajiet tagħna u għaldaqstant inħares 'l quddiem sabiex naraw aktar kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex li jimplimentaw dan il-proġett fil-lokalitajiet tagħhom sabiex igawdu minnu r-residenti tagħhom."
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en