STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Investiment ieħor li se jgħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin
Waqt żjara li għamel fid-Direttorat għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Pjanti, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li b’investiment ta’ madwar €60,000 sar titjib infrastrutturali fil-greenhouses u fix-shadehouse fi ħdan id-direttorat, kif ukoll inxtrat vettura elettrika li ser twassal għal anqas tniġġis fl-arja.
Il-Ministru Refalo ħabbar ukoll inizjattiva li qed titwettaq minn dan id-direttorat fejn, permezz tal-laboratorju u ta’ faċilitajiet oħra, ġew imkabbra mijiet ta’ siġar tat-tut u ċawsli sabiex jiġi kumpensat it-telf li s-settur ġarrab wara li fl-aħħar snin feġġ insett ġdid f’pajjiżna fejn qered ammont kbir ta’ siġar tat-tut u ċawsli. “It-titjib infrastrutturali kien bżonnjuż biex inkomplu nkabbru dawn is-siġar indiġeni li joffru lill-poplu Malti u Għawdxi ambjent san u nadif,” tenna l-Ministru Refalo.
Huwa temm jgħid li dan l-investiment huwa turija ċara li l-gvern kommess li jkompli jinvesti f’dan is-settur u se jwassal sabiex id-direttorat ikompli jkun ta’ assistenza għas-settur agrikolu.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Direttorat għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Pjanti Dennis Sciberras saħaq dwar l-importanza tal-ħidma tad-direttorat hekk kif il-produzzjoni ta’ siġar minn varjetajiet Maltin huwa importanti għar-reżiljenza li pajjiżna jrid jibni ħalli anke jilqa’ għat-tibdil fil-klima.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en