STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Solar farm ġdid f’Ta’ Qali jiġġenera enerġija nadifa għal 365 dar
Investiment ambjentali ieħor lejn Malta dekarbonizzata
Solar farm ġdid fuq il-ġibjuni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'Ta' Qali qed jiġġenera enerġija nadifa għal 365 residenza.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaret dan l-investiment ambjentali ta' €1.6 miljun, b'kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Malta Developers Association.
Is-solar farm ġie installat fuq medda ta' 6,319 metru kwadru fuq is-saqaf ta' wieħed mill-akbar ġibjuni li għandha l-Korporazzjoni. L-installazzjoni tinkludi 2,198 pannella fotovoltajika, b'kapaċità totali ta' megawatt (1 MW). B'hekk, qed tiġġenera l-elettriku mill-enerġija solari u tnaqqas mal-296,000 kilo ta' tniġġis tal-karbonju fis-sena.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz tal-kollaborazzjoni mal-Malta Developers Association, il-Korporazzjoni qed tittrasforma l-ispazji fuq il-bjut tal-ġibjuni tagħha, li kienu ilhom vakanti għal ħafna snin, f'opportunità ta' investiment ambjentali, sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà tal-operat tagħha, filwaqt li tikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri ambjentali dwar il-klima.
“Proġetti bħal dawn jirriflettu l-viżjoni tal-gvern li nkomplu ninċentivaw l-investiment privat fl-enerġija rinnovabbli f'Malta u Għawdex, bħala parti mill-pjan ambjentali għan-newtralità fil-klima sal-2050. Filwaqt li qed inkomplu niżguraw prezzijiet tal-enerġija stabbli għall-familji u għan-negozji minkejja l-pressjonijiet internazzjonali, jeħtieġ inkomplu wkoll ninkoraġġixxu aktar investiment fl-enerġija rinnovabbli," spjegat il-ministru.
Hija fakkret li aktar kmieni dan ix-xahar tnediet it-tieni skema għal enerġija nadifa f'inqas minn sena, biex jgħinu n-negozji jinvestu f'installazzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli bħal dan il-proġett. Hija kompliet li permezz ta' dawn iż-żewġ skemi biss, allokaw mal-€104 miljun f'għajnuna mill-gvern lejn is-settur privat fl-20 sena li ġejjin.
Is-solar farm f'Ta' Qali jagħmel parti mill-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex gradwalment tiddekarbonizza l-operat tagħha. Il-Korporazzjoni diġà għandha installazzjonijiet ta' pannelli fotovoltajiċi simili fil-Qrendi, fiż-żona tal-Fiddien fir-Rabat, u f'Ta' Ċenċ, Għawdex. Flimkien ma' dak ġdid f'Ta' Qali, dawn is-solar farms jammontaw għal kapaċità totali ta' 4.83 megawatt peak, li jfisser li qed jiġġeneraw biżżejjed enerġija nadifa għal 1,760 dar u mat-3,100,000 kilo ta' emissjonijiet inqas fis-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia qal, “Il-Korporazzjoni qed tieħu r-responsabbiltajiet ambjentali tagħha b'serjetà kbira. Qed inħabbru solar farm ieħor fuq il-ġibjuni tal-Korporazzjoni, mhux biss biex innaqqsu l-impatt tal-emissjonijiet tal-karbonju, iżda wkoll biex nipprovdu enerġija nadifa lill-komunità. Dawn is-solar farms huma xhieda tal-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà u pass ieħor 'il quddiem lejn il-mira li nkunu entità li ma jkollhiex impatti fuq l-ambjent."
Il-President u s-Segretarju tal-Malta Developers Association Michael Stivala u Alfred Camilleri, flimkien mal-Kap tat-Taqsima tal-Enerġija Rinnovabbli tal-istess assoċjazzjoni Mario Cachia, ħadu sehem fl-attività ukoll, fejn taw aktar tagħrif dwar din l-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli ġdida f'Ta' Qali.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en