STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Diskussjonijiet mal-komunità kummerċjali dwar il-pjan għat-trasport pubbliku effiċjenti u l-mitigazzjoni tat-traffiku
Il-Ministeru għat-Trasport iltaqa' mal-Kamra tal-Kummerċ u numru ta' rappreżentanti tal-komunità kummerċjali bħala parti minn sensiela ta' laqgħat ma' stakeholders dwar it-trasport pubbliku u l-'peak hour'.
Waqt din il-laqgħa ġie diskuss il-pjan tal-Gvern biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku f'pajjiżna u kif it-trasport pubbliku jista' jsir iktar effiċjenti u alternattiva reali.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif dawn il-laqgħat bit-titlu 'Deċiżjoni b'direzzjoni: djalogu dwar trasport u mobilità', immexxija mill-konsulent u akkademiku l-Profs Gordon Sammut, mistennija jħallu l-frott hekk kif qed ikunu involuti l-partijiet interessati kollha.
“Il-Ministeru, flimkien mal-esperti tiegħu, għaddej b'ħidma biex lil hinn minn dibattitu partiġġjan, il-partijiet interessati kollha jipparteċipaw f'dawn id-diskussjonijiet sabiex huma wkoll ikunu protagonisti f'dawn il-bidliet tant bżonnjużi," qal il-Ministru Farrugia.
Min-naħa tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President Marisa Xuereb flimkien mal-Kap Eżekuttiv Dr Marthese Portelli resqu numru ta' proposti għall-konsiderazzjoni tal-Gvern, fosthom l-introduzzjoni ta' kunċett ta' 'e-mobility wallet' li jgħin biex iseħħ bidla modali mill-karozzi privati għal shared mobility permezz tal-introduzzjoni ta' tariffi tal-parkeġġ li jiġu kkreditati lura f''e-mobility wallet' biex jintużaw fuq shared mobility, trasport tal-massa, roti, ferries u modi oħra ta' trasport li jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li, “Il-mitigazzjoni tat-traffiku hija kwistjoni li ilna naħdmu fuqha b'mod proattiv permezz ta' numru ta' proposti li ressaqna għall-konsiderazzjoni tal-Gvern, wara li nisimgħu t-tħassib tal-membri tagħna."
Filwaqt li ħa nota tal-kummenti tal-parteċipanti kollha, il-Ministru Aaron Farrugia talab il-Kamra tal-Kummerċ sabiex fiż-żmien li ġej, b'mod formali, tgħaddi l-proposti kollha tagħha.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en