STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Konferenza dwar il-ġustizzja soċjali fil-Parlament ta’ Malta
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa konferenza dwar il-ġustizzja soċjali fil-Parlament ta' Malta. Matul din il-konferenza, dawk preżenti fakkru l-Jum Dinji dwar il-Ġustizzja Soċjali b'impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà fid-dinja u jingħelbu l-ostakoli lejn ħajja aktar ġusta fost l-bnedmin, filwaqt li ġiet diskussa wkoll il-qagħda tas-soċjetà f'Malta.
Fid-diskors li għamel, l-Ispeaker saħaq fuq l-importanza ta' tisħiħ tal-familja, li titqies bħala il-kejl tal-qagħda soċjali. Hu tenna li familji tajbin ikun ifisser li għandna soċjetà b'sisien tajba. Jekk il-familji tagħna mhumiex mibnija fuq sisien sodi, is-soċjetà tkun waħda dgħajfa bil-possibilità li ma tkunx biżżejjed b'saħħitha biex tiflaħ għal maltemp u taqlib soċjali. Meta għamel riferenza dwar il-ġid materjali fid-dinja, hu semma d-diverġenza bejn il-pajjiżi għonja u dawk foqra u l-effetti negattivi li dawn qed iħallu fuq in-nuqqas ta' żvilupp fid-dinja jew aħjar “id-dar komuni tagħna l-bnedmin kollha" fejn dan qed ixekkel milli l-bnedmin jgħixu flimkien f'armonija, fis-sliem u l-paċi.
Hu fakkar fit-tagħlim ta' bosta persuni għorrief dwar il-ġustizzja soċjali, intiż biex il-bnedmin iġibu ruħhom sew ma' xulxin. Hu saħaq dwar l-obbligi li lkoll għandna rigward il-ġid komuni, ir-rispett lejn il-proxxmu tagħna, l-iżvilupp soċjali, il-paċi u l-importanza tas-sigurtà għall-ordni ġust fil-qasam internazzjonali.
L-Ispeaker semma t-tliet elementi marbuta mat-tifsira ta' ġustizzja soċjali li huma: l-obbligu tal-Istat li jipprovdi b'mod ekwu l-mezzi essenzjali tal-ħajja; ir-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna umana; u ħidma mill-Istat biex jiżgura opportunitajiet ugwali lil kulħadd jew ħidma kontra kull forma ta' diskriminazzjoni.
L-Ispeaker għamel riferenza għal Artiklu 1 tad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, fejn hemm miktub dan li ġej: Il-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u drittijiet. Huma mgħonija bir-raġuni u kuxjenza u għandhom iġibu ruħhom ma' xulxin b'spirtu ta' aħwa (fratellanza).Din id-dikjarazzjoni tisħaq fuq l-obbligu ta' kull pajjiż li jħares u jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u li jippromwovi l-progress soċjali u titjib fil-livell ta' għajxien f'libertà akbar.
Hu fakkar ukoll li fl-2006, il-Ġnus Magħquda f'dokument 'Social Justice in an Open World: The Role of the United Nations'tqis il-ġustizzja soċjali bħala prinċipju bażiku għal paċi u l-koeżistenza paċifika fost in-nazzjonijiet u l-popli. Għalhekk, il-ġustizzja soċjali tisħaq fuq id-drittijiet ta' individwi li huma soċjalment marġinalizzati, imwarba jew fil-periferija, fil-ġenb. Ir-raġunijiet jista' jkunu bosta, fost dawn:
- Diskriminazzjoni razzjali, fuq il-bażi tal-ġeneru, minoranza etnika, reliġjon, diżabilità u forom oħra;
- Problemi fi ħdan il-familja, inkluż vjolenza domestika;
- Faqar jew nuqqas ta' mezzi ta' natura ekonomika;
- Abbuż minn sustanzi, droga u vizzji oħra; u
- Problemi oħra b'impatt fuq il-persuna umana u s-soċjetà, fost dawn, l-għadd dejjem jikber ta' persuni anzjani, persuni milquta minn mard mentali, eċċ.
L-Ispeaker fakkar kemm il-poplu Malti jħobb jgħin liż-żgħir biex dan iqum fuq saqajh u jimxi 'l quddiem. Faħħar l-impenn tal-awtoritajiet fil-qasam tal-ħarsien soċjali, inkluż l-edukazzjoni, programmi ta' rijabilitazzjoni u integrazzjoni soċjali. Faħħar ukoll il-koperazzjoni li teżisti f'dan il-qasam bejn l-Istat u l-Knisja u l-ħidma ta' tant reliġjużi u lajċi impenjati f'ħidma missjunarja f'pajjiżi oħra.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn Michael Falzon M.P., Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Andy Ellul M.P., Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Bernard Grech M.P., Kap tal-Oppożizzjoni, Ivan Bartolo M.P., Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar, kif ukoll il-Membri tal-Parlament Ewropew Dr. Alfred Sant u s-Sur David Casa.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en