Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Skema ġdida għar-rinnovabbli b’potenzjal ta’ enerġija nadifa għal 7,000 dar

pr230254
Date Icon 16/02/2023

Il-Ministru Miriam Dalli tikkonferma li l-miri tal-2030 fl-enerġija rinnovabbli inqabżu diġà

Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) qed joħroġ sejħa ġdida għall-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija rinnovabbli ta' skala kbira, b'kapaċità totali li tista' tipprovdi enerġija nadifa għal 7,000 dar fis-snin li ġejjin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli nediet din l-opportunità ta' investiment ambjentali f'sistemi ta' enerġija rinnovabbli mqabbdin mal-grid tal-elettriku b'kapaċità ta' megawatt 1 jew aktar. Permezz ta' din l-iskema, li għandha disponibbli kapaċità totali ta' 19-il megawatt u b'investiment ambjentali ta' €30 miljun fuq medda ta' 20 sena, kull sena se jara tnaqqis sa 11,500 tunnellata ta' tniġġis tad-diossidu tal-karbonju. 

Il-Ministru Dalli spjegat li dan l-investiment qed jagħti lill-imprendituri inċentiv b'saħħtu biex jinvestu f'dan is-settur tal-ekonomija ħadra f'Malta, bil-ħolqien ta' aktar opportunitajiet ta' xogħol, filwaqt li jikkontribwixxu fl-impenn ta' Malta lejn il-miri ambjentali tagħha.

“Ir-riżultati tal-investimenti tagħna fl-enerġija rinnovabbli f'dawn l-aħħar snin huma inkoraġġanti ħafna. Figuri tal-Eurostat juru li sal-aħħar tal-2021, Malta kienet qed tipproduċi 12.15% tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli. Dan ifisser li diġà qbiżna l-mira ta' 11.5% li kellna nilħqu sal-2030, skont il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima. U din il-figura m'hijiex tinkludi s-sistemi ta' enerġija rinnovabbli li ġew installati s-sena li għaddiet," stqarret il-Ministru Dalli.

Hija kompliet li dan ma jfissirx li Malta għamlet biżżejjed. “Dawn ir-riżultati juruna b'mod ċar li nistgħu nagħmlu aktar minn kemm ippjanajna oriġinarjament. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mira tal-2030 mhijiex id-destinazzjoni tagħna, iżda biss tarġa oħra importanti fit-triq li għandna quddiemna. Il-mira finali hi li niksbu n-newtralità fil-klima, u aktar ma nagħmlu dan malajr, aktar inkunu nistgħu niżguraw futur sostenibbli u kwalità ta' ħajja aħjar," żiedet tgħid il-ministru.

REWS qed tniedi mill-ġdid din is-sejħa għall-offerti wara li għamlet diversi laqgħat ma' dawk kollha konċernati, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-applikanti prospettivi. Din hija wkoll it-tieni opportunità tal-gvern sabiex is-settur privat jinvesti fl-enerġija rinnovabbli f'inqas minn sena, wara li f'Awwissu li għadda REWS ħabbret skema oħra ta' €74 miljun għal sistemi ta' aktar minn 40 kilowatt u inqas minn megawatt 1. Fil-fatt, tlieta mill-ħames sejħiet għall-offerti f'din l-iskema ser jiftħu f'April, f'Lulju, u f'Ottubru li ġejjin.

REWS għandha wkoll diversi skemi oħrajn miftuħa għall-installazzjonijiet rinnovabbli iżgħar għad-djar. Dawn ivarjaw minn skemi tal-pannelli tax-xemx u l-ħażna tal-enerġija bil-batteriji, għal solar water heaters u teknoloġiji oħra relatati.

L-ammont ta' sistemi ta' enerġija rinnovabbli mqabbdin mas-sistema tal-elettriku ta' Malta u Għawdex ra żieda qawwija f'dawn l-aħħar 10 snin, hekk kif il-kapaċità totali ta' enerġija rinnovabbli telgħet minn 28.5 megawatt fl-2013 għal 222.25 megawatt bħalissa. Dan ifisser żieda ta' 680%.

Il-Kap Eżekuttiv ta' REWS, l-Inġ. Marjohn Abela, qal li d-dettalji u l-kundizzjonijiet ta' din is-sejħa għall-offerti ġdida għal sistemi ta' aktar minn megawatt 1 se jkunu fuq is-sit ta' REWS il-Ġimgħa, 17 ta' Frar 2023. Applikanti prospettivi jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom bejn it-Tnejn 22 u t-Tlieta 30 ta' Mejju 2023.

Għal iżjed tagħrif, żur www.rews.org.mt/#/en/tenders/224 jew ikkuntattja lil REWS fuq enquiry@rews.org.mt jew 22955000.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Skema ġdida għar-rinnovabbli b’potenzjal ta’ enerġija nadifa għal 7,000 dar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Skema ġdida għar-rinnovabbli b’potenzjal ta’ enerġija nadifa għal 7,000 dar
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow