STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Estiża l-iskema Rent Subsidy - l-appoġġ għan-negozji ser jirdoppja
Bidliet fl-iskema Rent Subsidy se jaraw lill-Malta Enterprise tirdoppja l-assistenza tagħha għall-kumpaniji eliġibbli. L-appoġġ eliġibbli se jiżdied minn €25,000 għal €50,000 għal kull impriża.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia waqt żjara f'Ta' Mananni, fl-Imqabba, akkumpanjati mill-fundatur Christian Cassar. Il-mikrointrapriża timmanifattura u tqassam ikel lokali tradizzjonali.
Matul l-aħħar sentejn, 27 kumpanija ġew assistiti taħt din l-iskema b'investiment ta' aktar minn €600,000.
L-iskema estiża tar-Rent Subsidy se twessa' l-lista ta' attivitajiet eliġibbli biex tkun tista' tindirizza l-effett tal-ispejjeż tal-loġistika fuq il-kumpanija. Il-kumpaniji se jkunu jistgħu jiġu appoġġjati fil-kiri ta' spazju matul perjodu li jkunu qed jagħmlu ristrutturar u konsolidazzjoni tal-operat tan-negozju.
“Waqt l-isfidi ta' dawn l-aħħar tliet snin, il-gvern ħadem biex kemm jista' jkun jistabbilizza s-sitwazzjoni għan-negozji. Waħda minn dawn l-isfidi kienet iż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport u dawk loġistiċi, kif ukoll żieda f'daqqa fid-domanda fi żmien meta l-provvisti kienu limitati. Ħafna kumpaniji qed jixtru jew jipproduċu bl-ingrossa biex jissodisfaw din id-domanda iżda jeħtieġu post fejn jaħżnu l-prodotti tagħhom. Din l-inizjattiva se tgħin lin-negozji jnaqqsu ftit mill-ispejjeż tal-kiri li qed jesperjenzaw bħalissa," spjegat il-Ministru Dalli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kurt Farrugia qalli, “L-estensjoni ta' din l-iskema hija eżempju ċar tar-rieda tagħna li naddattaw għall-feedback li ningħataw mill-kumpaniji biex nagħmlu skemi li jagħmlu sens għan-negozji. Aħna dejjem miftuħa għal feedback kif ukoll naħdmu kontinwament biex niksbu għarfien sħiħ ta' dak li qed jaffettwa l-komunità tan-negozju tagħna sabiex inkunu nistgħu nappoġġjawhom mill-aħjar li nistgħu."
Is-sid ta' Ta' Mananni Christian Cassar, li jforni 'l fuq minn 80 ħanut madwar Malta u Għawdex, innota li l-appoġġ permezz ta' din l-iskema għen lill-mikrointrapriża tiegħu ssib saqajha hekk kif tiffaċċja sfidi li nħolqu mill-pandemija. Is-Sur Cassar żied jgħid li appoġġ bħal dan jippermetti lin-negozji biex jinvestu aktar fil-forza tax-xogħol tagħhom.
L-iskema tar-Rent Subsidy tassisti impriżi li jeħtieġu spazju industrijali bħala soluzzjoni temporanja, jew permanenti, biex isostnu l-attività kummerċjali tagħhom. L-iskema hija applikabbli għal negozji involuti fil-manifattura, manutenzjoni, attivitajiet artiġjanali, attivitajiet industrijali ta' ppakkjar, tiswijiet ta' vetturi, tiswija ta' makkinarju u tagħmir u attivitajiet industrijali oħra.
L-għajnuna tingħata fil-forma ta' għotja fi flus jew fil-forma ta' kreditu ta' taxxa.
L-għajnuna totali li tista' tingħata lil impriża waħda fuq perjodu ta' tnax-il xahar se tkun limitata għal €50,000. L-appoġġ jista' jiġi approvat għal perjodu ta' tliet snin konsekuttivi, u b'hekk l-għajnuna massima għal kull negozju tkun dik ta' €150,000. L-appoġġ jista' jiġi estiż għal tliet snin oħra fuq il-bażi ta' applikazzjoni ġdida jekk l-applikant ma jkunx iġġenera qligħ raġonevoli iżda jista' jiġġustifika negozju sostenibbli minn dak iż-żmien 'il quddiem (jiġifieri jekk l-appoġġ addizzjonali jiġi approvat).
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en