STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI L-iskema Community Greening Grant ta’ Project Green qed tattira l-interess ta’ ħafna stakeholders
Aktar minn 60 kunsill lokali u għaqdiet volontarji jattendu sessjoni ta' tagħrif
L-iskema ta' €10 miljun Community Greening Grant varata minn Project Green qed tattira interess qawwi minn diversi stakeholders, hekk kif ħafna minnhom ħadu sehem f'sessjoni ta' informazzjoni li saret aktar kmieni llum.
Din l-iskema, li tnediet ġimagħtejn ilu, qed tħeġġeġ u ser tgħin komunitajiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħhom. Is-sessjoni ta' informazzjoni serviet bħala gwida dwar l-iskema permezz ta' case studies u prattiċi rakkomandabbli, hekk kif l-applikanti prospettivi qed iħejju l-proposti tagħhom. Il-linji gwida u l-applikazzjoni tfiehmu b'mod aktar sempliċi, sabiex jiġi żgurat li l-istakeholders kollha jkunu jistgħu jsegwu l-kundizzjonijiet applikabbli meta jiġu biex jissottomettu l-proġett tagħhom.
Aktar minn 60 kunsill lokali u għaqda volontarja attendew din is-sessjoni t'informazzjoni.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet: “Qed ninkoraġġixxu lill-istakeholders biex jersqu 'l quddiem bi proġetti innovattivi. Fl-istess waqt, Project Green se tkun qed tipprovdi l-għodda meħtieġa biex tgħinkom timplimentaw il-proġetti tagħkom, u b'hekk noħolqu lokalitajiet sostenibbli għar-residenti fil-komunitajiet tagħna".
Il-ministru enfasizzat l-importanza tas-sostenibbiltà fid-disinn, fl-ippjanar u fit-twettiq tal-proġetti proposti, li jrid ikollhom ukoll pjan ta' immaniġġjar fit-tul li jiżgura li l-proġetti mwettqa jibqgħu jiġu mħarsa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli rrimarkat li l-kunsilli lokali u dawk reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-bżonnijiet ambjentali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom u kif il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tista' titjieb.
Is-segretarju parlamentari inkoraġġiet lill-kunsilli lokali u lil dawk reġjonali jipparteċipaw f'din l-iskema, filwaqt li saħqet dwar kif permezz ta' proġetti u inizjattivi ambjentali fil-lokalitajiet, il-kunsilli lokali se jkunu qed jikkumplimentaw l-investiment tal-gvern lejn ambjent sostenibbli u kwalità ta' ħajja aħjar.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Project Green Steve Ellul saħaq li l-għan tal-aġenzija huwa li jassisti lill-istakeholders kollha fil-kontribut tagħhom lejn lokalitajiet aktar ħodor, u li tħeġġiġhom jaħdmu aktar għall-ambjent aħjar fil-komunitajiet tagħhom.
“Il-proġetti għandhom ikunu ddisinjati biex jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti. Permezz ta' din l-opportunità, se nkunu qed nilħqu dawn il-miri flimkien mal-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji," qal is-Sur Ellul, filwaqt li spjega kif l-aġenzija qed timplimenta dan bi proċess li jinvolvi lil kulħadd. “Ser nassistu lill-istakeholders billi nipprovdu l-finanzjament u s-sapport neċessarju fil-ħolqien ta' spazji ġodda pubbliċi fil-lokalitajiet tagħhom, filwaqt li se nkunu qed nirriabilitaw spazji pubbliċi eżistenti."
Matul is-sessjoni t'informazzjoni, l-istakeholders ġew imħeġġa jidentifikaw spazji li mhux qed jiġu użati, sabiex ikunu jistgħu jagħtuhom ħajja ġdida u jibdluhom fi spazji miftuħa pubbliċi biex jitgawdew minn kulħadd.
Aktar informazzjoni fuq din l-iskema, fosthom il-linji gwida u l-formola t'applikazzjoni, tinsab fuq www.project.green. Is-sottomissjonijiet jagħlqu nhar it-Tlieta 28 ta' Frar 2023 f'nofsinhar.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en