Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat

pr230181
Date Icon 03/02/2023

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri se jkun qed iressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Verifika erba' riżoluzzjonijiet parlamentari biex jitnedew erba' proġetti li se jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija ta' pajjiżna. 

Dawn il-proġetti, li kollha ġejjin mis-settur privat, jammontaw għal total ta' aktar minn €173 miljun.

Dan huwa sinjal b'saħħtu li s-settur privat għandu fiduċja fl-ekonomija ta' pajjiżna u fil-programm ta' ħidma ta' dan il-Gvern. Dawn l-investimenti mistennija joħolqu 'l fuq minn 441 post tax-xogħol ġdid fl-erba' snin li ġejjin.

Fi tlieta minn dawn l-erba' proġetti diġà hemm il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar. F'każ ieħor għad hemm il-proċess tal-ippjanar għaddej.

Sinifikattiva li dawn il-proġetti kollha se jsiru fuq art li diġà hija żviluppata jew disturbata.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li, “L-andament ekonomiku ta' pajjiżna jinsab għaddej b'ritmu tajjeb u li l-previżjonijiet għall-futur huma tajbin. Dan ma jgħiduhx biss l-aġenziji ta' kreditu internazzjonali, iżda qed jgħidu s-settur privat li qiegħed jinvesti bil-fatti b'miljuni fi proġetti varji f'pajjiżna."

Dettalji tal-proġetti:

  1. Squaring off ta' Terminal 2 fil-Port Ħieles

Bħala gżira, l-attività tal-Port Ħieles hija vitali għal pajjiżna, mhux biss għax hi kontributur ewlieni għall-ekonomija ta' pajjiżna, iżda wkoll mil-lat ta' sigurtà tal-provvista ta' dak kollu essenzjali, partikolarment l-ikel u l-materja prima, hekk kif hu stmat li 85% tal-importazzjoni kollha ta' pajjiżna tgħaddi minn dan il-port.

Sa mill-privatizzazzjoni tal-Port Ħieles fl-2004, il-Kumpanija Malta Freeport Terminals kompliet tinvesti bis-sħiħ, tant li għamlet lil Malta ċentru ewlieni ta' trasbord marittimu fil-Mediterran, b'konnessjonijiet essenzjali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti essenzjali lejn Malta b'aktar minn 110 port madwar id-dinja.

Din il-kumpanija qed tbassar tkabbir organiku ta' aktar minn 3.5%, iżda fl-istess ħin il-kompetizzjoni minn portijiet oħra fil-Mediterran qed issir dejjem aktar ħarxa. Għaldaqstant, hemm il-bżonn li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura sabiex nassiguraw li Malta tibqa' fiċ-ċentru ta' din l-attività. Fin-nuqqas ta' dan, inkunu qed nipperikolaw l-istatus tagħna bħala wieħed miċ-ċentri ewlenija tat-trasbord marittimi fil-Mediterran. Dan ikun ifisser riskju li wħud mil-linji tal-vapuri maġġuri ma jibqgħux jieqfu f'pajjiżna.

Hija realtà wkoll li l-Port Ħieles qed jaffaċċja sfidi ta' spazju, u studji juru li b'din ir-rata ta' tkabbir sa jkun laħaq il-kapaċità massima tiegħu sas-sena d-dieħla (2024). Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-vapuri futuri ser ikunu itwal minn 400 metru bħala dimensjoni u bi draft li taqbeż is-16-il metru, qed tikber il-ħtieġa ta' infrastruttura adegwata biex tilqa' għal dan kollu.

Fil-fatt, il-Malta Freeport Terminals kienet infurmat lill-gvern bil-ħsieb tagħha li jitkabbar Terminal 2 billi jiġi squared off permezz ta' land reclamation b'espansjoni ta' 176 metru fil-moll tat-Tramuntana u 195 metru fil-moll tal-Punent, b'spazju ta' aktar minn 30,000 metru kwadru, sabiex jippermetti li jibda jilqa' bastimenti ta' 24,000TEU jew aktar.

Dan il-proġett jinvolvi investiment finanzjarju sinifikanti ta' aktar minn €103.8 miljun, li €55 miljun minnhom jirrelataw ma' xogħlijiet infrastrutturali u €48 miljun marbuta ma' xiri ta' tagħmir ġdid u infrastruttura relatata. Din l-ispiża tagħmel lil dan il-proġett mhux kummerċjalment viabbli li jsir mill-kumpanija waħedha, u li allura kien jirrikjedi appoġġ tal-awtoritajiet għal madwar nofs l-ispiża relatata mal-parti infrastrutturali.

Fl-isfond tal-benefiċċji kollha li jrendu minn dan il-proġett, fosthom ukoll il-ħolqien ta' aktar minn 165 post tax-xogħol ġdid, il-gvern se jappoġġja dan il-proġett billi l-Malta Freeport Corporation, li hi s-sid tal-art, tnaqqas l-ekwivalenti somma mill-kirja li l-Malta Freeport Terminals tħallas lilha, fuq medda ta' seba' snin.

Din l-għajnuna għandha magħha numru ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati, u li jduru mal-ħtieġa li jitnaqqas il-konvenjent għar-residenti:

  • Il-Malta Freeport Terminals tirinunzja id-dritt li tinstalla Quay Cranes fl-aktar parti viċin ir-residenti fuq West Quay Terminal 1 u għalhekk tirrinunzja għad-dritt tagħha li topera minn hemm. Dan ifisser li b'hekk tingħalaq darba għal dejjem il-possibilità li ssir attività fuq it-terminal l-aktar viċin għar-residenti ta' Birżebbuġa filwaqt li l-akbar attività tiġi trasferita fuq parti minn din l-espansjoni li tinsab fuq punt aktar 'il bogħod mir-residenti;
  • Li kwalunke attività ta' Roll-on Roll-off ma tistax tibqa' ssir f'ħinijiet tard bil-lejl jew fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, sabiex jitnaqqsu dejjem iktar l-inkonvenjenti għar-residenti tal-madwar;
  • Li l-Malta Freeport Terminals tagħti kontribuzzjoni addizzjonali ta' €300,000 bħala parti mill-Corporate Social Responsability (CSR) tal-kumpanija biex jintużaw għal skopijiet soċjali f'Birżebbuġa.

L-appoġġ tal-gvern kien approvat mill-Istate Aid Monitoring Board wara eżerċizzju estensiv li sar biex jiġi assigurat li din l-assistenza hi konformi mar-regolamenti applikabbli tal-Unjoni Ewropea rigward State Aid.

Dan huwa proġett li flimkien mal-proġett tas-shore to ship fl-istess Port Ħieles li ħa jippermetti li l-vapuri jitfu l-magni tagħhom u jqabbdu dirett mal-elettriku, ħa jkun qiegħed jgħolli l-livell tal-operat tal-Port Ħieles f'pajjiżna filwaqt li jkompli jnaqqas l-element ta' inkonvenjenza għar-residenti tal-madwar.

Xhieda tal-fatt li filwaqt li ma jnaqqas xejn mir-ritmu ekonomiku, il-gvern qed imur u jippromwovi għażliet li huma ambjentalment iktar sostenibbli u li jfissru inqas inkonvenjent għar-residenti.

  1. Riġenerazzjoni tas-sit abbandunat tal-Ex Fabbrika Edible Oil

Dan huwa proġett ta' €50 miljun, kollu kemm hu mis-settur privat, li mistenni joħloq 200 post tax-xogħol ġdid. Il-proġett jinvolvi riġenerazzjoni tas-sit abbandunat tal-eks-impjant tal-Edible Oil u l-madwar, liema investiment mistenni jkompli jgħolli l-livell taż-żona u jixpruna aktar investimenti ġodda lejn pajjiżna.

Dan il-proġett se jsir fuq art pubblika u privata, b'total ta' 44,000 metri kwadri, fl-inħawi magħrufa bħala l-Imgieret, limiti tal-Marsa/Ħal Luqa u se jkun jikkonsisti fil-bini ta' kumpless industrijali, fosthom imħażen, u binjiet kumplimentari bħal uffiċini, faċilitajiet ta' catering, day care centre u ħwienet.

L-ewfitewżi oriġinali kien ingħata fl-1964 lill-Poultry Products Ltd. għal 99 sena.

Biex dan l-investiment seta' jsir kella titneħħa kundizzjoni li kien hemm fiċ-ċens oriġinali, dik li parti minn din iż-żona trid tintuża strettament għal razzett tat-tiġieġ, kif ukoll kundizzjoni li ma jistax isir bini fuq madwar 220 metru kwadru ta' art intiża biss sabiex isservi l-operat tal-vetturi tal-kumpanija stess. Għat-tneħħija ta' dawn il-kundizzjonijiet, il-konsorzju se jħallas somma ta' darba ta' ftit iktar minn €3 miljun. Dan wara li saret valutazzjoni tal-valur tal-kundizzjonijiet minn periti indipendenti mqabbda mill-Awtorità tal-Artijiet.

  1. Investiment fis-sit ta' SMW Cortis f'Ħaż-Żebbuġ

Għal dan il-proġett, il-kumpanija Central Business Centre Ltd kif ukoll kumpanija oħra internazzjonali se jinvestu madwar €12-il miljun, primarjament f'supermarket fi Mdina Road u f'fabbrika tal-injam fi Triq Ħ'Attard, f'Ħaż-Żebbuġ.

Kif indikat fil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar maħruġ f'Awwissu tal-2021, fis-sit magħruf bħala SMW Cortis Building f'Ħaż-Żebbuġ ser jitwaqqgħu l-istrutturi kollha eżistenti, titħaffer l-art sabiex jinħolqu ġibjuni, isiru strutturi taħt il-livell tat-triq għall-użu kummerċjali u industrija, spazju ta' parkeġġ taħt il-livell tat-triq, spazju ta' parkeġġ fil-livell tat-triq u supermarket fil-livell tat-triq.

Central Business Centre Ltd se jkun qiegħed jieħu b'titlu ta' ċens art ta' madwar 1,400 metru kwadru għal perjodu ta' 65 sena sabiex tkun tista' tintuża bħala triq interna u servizzi oħra u b'hekk jkun jista' jsir żvilupp fuq il-kumplament ta' l-art privata b'total ta' art ta' madwar 15,500 metru kwadru li madwar 4,700 metru kwadru minnhom se jkunu landscaping u spazji miftuħa.

Permezz ta' dan il-proġett se jinħolqu 46 post tax-xogħol ġdid.

Il-mitħna li tinsab fl-istess żona u l-art ta' madwarha se jibqgħu mhux mittiefsa u se jibqgħu proprjetà tal-gvern.

  1. Proġett Lido Fortina

Fortel Service Ltd se jagħmlu investiment ta' €7 miljun għat-titjib tal-lido eżistenti. Il-post fejn hemm il-Lido tal-Fortina kien ingħata b'titlu ta' art lil Fortel Services Ltd fl-1991 fuq art ta' madwar 1,400 metru kwadru.

Skont il-permess maħruġ is-sena li għaddiet, dan il-proġett jinvolvi t-tneħħija tal-pixxina eżistenti u li tinbena oħra minflokha, jiġi estiż il-foreshore, jinbena ristorant, u tinħoloq pjazza max-xatt fejn fil-preżent hemm ir-ristorant. F'din il-pjazza se jkun qed isir ġnien u jiġu installati bankijiet biex jintużaw mill-pubbliku, b'mod ukoll li titgawda l-veduta tal-Belt minn din in-naħa ta' Tas-Sliema.

Fortina Developments Ltd. huma obbligati li jibnu passaġġ għall-użu tal-pubbliku f'kull ħin, bi spejjeż tagħhom, bħala estensjoni tal-passaġġ diġà eżistenti madwar ix-Xatt ta' Tigne, u li l-passaġġ imsemmi għandu jdur mal-periferija tal-lido l-ġdid kif propost. L-istess Fortina Developments Ltd. huma obbligati għall-manutenzjoni u riparazzjoni tal-istess passaġġ u moll mingħajr ma jkunu intitolati għall-ebda kumpens jew fondi pubbliċi għal dak l-iskop.

Il-proġett jinkludi wkoll l-arja fuq il-baħar li hija intiza biex tikkumplimenta l-iżvilupp propost billi jitpoġġew mollijiet temporanji fuq wiċċ il-baħar, marbuta ma' mazzri mqiegħda f'qiegħ il-baħar, biex jiffaċilitaw l-imbark u l-iżbark minn inġenji tal-baħar. Dawn il-mollijiet iridu jiġu installati skond il-kundizzjonijiet, l-obbligi u permessi imposti mill-awtoritajiet kompetenti u jiżżarmaw fix-xitwa.  

Dawn il-proġetti kollha ġew approvati mill-Kabinett sabiex jitressqu b'riżoluzzjoni quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Verifika.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dawn il-proġetti mhux biss qed jagħtu indikazzjoni pożittiva għall-ekonomija ta' pajjiżna fil-ġejjieni, iżda wkoll jikkumplimentaw il-politika tal-gvern li jkun hemm rispett sħiħ lejn l-ambjent ta' madwarna; tant hu hekk li l-ebda tip ta' art verġni jew art barra ż-żona ta' żvilupp mhi se tintuża għal dawn il-proġetti.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow