STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Esplora tniedi n-National STEM Community Fund
Tnediet it-tieni edizzjoni tal-iskema National STEM Community Fund, li permezz tagħha organizzazzjonijiet eliġibbli għal din l-iskema jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti STEM fil-komunità. Organizzazzjonijiet li jingħaqdu ma' riċerkatur jew ma' professjonist fil‑qasam ta' STEM jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta' €8,000 kull proġett. Din l-iskema tnediet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti waqt konferenza tal-aħbarijiet.
In-National STEM Community Fund huwa mmexxi minn STEM Engagement Working Group taħt id-direzzjoni taċ-ċentru xjentifiku u interattiv, Esplora, fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS).
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza ta' inizjattivi ta' dan it-tip li permezz tagħhom iressqu aktar nies viċin is-suġġetti STEM. “Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna sabiex inressqu lin-nies aktar fil-qrib tas-suġġetti STEM. Permezz ta' dawn l-inizjattivi qed inkomplu nqajmu l-interess ta' aktar nies, sa minn età żgħira, biex ikomplu l-istudji tagħhom fis-suġġetti STEM," qal is-segretarju parlamentari.
Tkellem ukoll dwar l-importanza tax-xogħol li l-MCST qed iwettaq bil-għan li jippromwovi s-suġġetti STEM fil-komunità Maltija. Huwa kkonkluda billi ta merħba lill-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-MCST, Silvio Scerri, li bl-esperjenza vasta tiegħu se jkompli jgħin sabiex din l-entità tkompli miexja 'l quddiem f'ħidmietha.
Il‑Kap Eżekuttiv tal‑MCST, Silvio Scerri, qal, “Bħala Esplora impenjati li nġibu dejjem eqreb ix‑xjenza u s‑soċjetà. Permezz ta' din l‑iskema, ser inkunu qed nimxu pass 'il quddiem biex nagħmlu x‑xjenza aktar aċċessibbli għall‑komunità lokali, filwaqt li nlaqqgħu professjonisti fil‑qasam ta' STEM mal‑pubbliku inġenerali ħalli flimkien jużaw l‑ispeċjalizzazzjoni tagħhom fl‑iżvilupp ta' proġetti STEM, li minnhom tibbenifika s‑soċjetà inġenerali."
Organizzazzjonijiet eliġibbli, inklużi l-iskejjel u l-għaqdiet volontarji, jistgħu japplikaw billi jidħlu fuq https://esplora.org.mt/the-stem-community-fund-2023-introduction-and-applications/.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 24 ta' Marzu 2023. Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista' jibgħat email fuq stemengagement.esplora@esplora.org.mt.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en