Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Il-Kummissjoni Ewropea se tagħti €52.3 miljun mill-RFF lil Malta wara li pajjiżna laħaq il-miri u riformi meħtieġa

pr230138
Date Icon 27/01/2023

Il-Kummissjoni Ewropea llum approvat valutazzjoni preliminari pożittiva tat-talba għall-pagament ta' Malta għal €52.3 miljun f'għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan ifisser li Malta għaddiet mill-proċess kollu tal-Kummissjoni Ewropea f'pass ieħor importanti biex pajjiżna jakkwista l-fondi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

F'Diċembru li għadda, Malta ppreżentat talba għall-pagament lill-Kummissjoni Ewropea wara li l-Gvern Malti wettaq b'suċċess tliet miri stabbiliti u laħaq 16-il stadju importanti. Dawn jinkludu miżuri importanti bħall-adozzjoni ta' strateġija biex jitnaqqas l-iskart permezz tar-riċiklaġġ fis-settur tal-kostruzzjoni, l-introduzzjoni ta' faċilitajiet għall-uffiċċji li jippermettu lill-impjegati taċ-ċivil jaħdmu b'remote working, riformi biex tingħata spinta lir-riċerka u l-investimenti industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni u riformi għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li Malta se tingħata €52.3 miljun wara li Malta wettqet b'suċċess ir-riformi u investimenti li kellha twettaq. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea nnutat b'mod pożittiv l-isforzi ta' pajjiżna fejn tidħol is-saltna tad-dritt u biex tissaħħaħ il-ġudikatura. Tkellmet dwar kif il-Gvern Malti ressaq 'il quddiem strateġiji importanti fejn jidħol investiment fl-industrija tal-innovazzjoni, ekonomija ċirkolari u bini ta' skejjel favur l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri rringrazzja lill-President tal-Kummissjoni Ewropea għar-rikonoxximent li sar lejn pajjiżna fejn tidħol is-saltna tad-dritt. “Fl-aħħar sena sar xogħol kbir, minn entitajiet u ministeri diversi, kemm dwar is-saltna tad-dritt, kif ukoll fuq punti oħra fosthom l-innovazzjoni. Dan huwa riżultat ieħor importanti għal pajjiżna. Kif kellna l-okkażjoni li ngħidu nhar it-Tnejn li għadda waqt it-tnedija tal-pakkett finanzjarju ġdid ta' fondi Ewropej, dawn il-fondi huma strumentali biex inkomplu nibnu lil Malta ta' għada għall-ġid tal-poplu Malti u l-futur ta' wliedna," qal il-Ministru Silvio Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li huwa sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea laqgħet b'mod pożittiv il-ħidma u l-isforzi li wettaq pajjiżna. “Issa għandna ċertifikat ieħor pożittiv mill-Kummissjoni Ewropea li hija kburija bil-ħidma li qegħdin inwettqu bħala gvern. Dawn il-fondi flimkien mal-fondi Ewropej se nutilizzawhom biex inwettqu aktar proġetti u investiment għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin u nwettqu l-bidliet li hemm bżonn," qal Dr Bonett.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow