STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET Iffirmat ftehim għal iżjed kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Malta Business Registry
Id-Dipartiment tal-Liġi Kummerċjali fi ħdan l-Università ta' Malta u l-Malta Business Registry iffirmaw ftehim ta' kollaborazzjoni li se jipprovdi qafas ħolistiku ta' kooperazzjoni filwaqt li jsaħħaħ t-tqassim ta' informazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
L-għan tal-ftehim huwa li jipprovdi bażi ta' kooperazzjoni li tinkludi materjal ta' riċerka u informazzjoni relatata ma' suġġetti ta' studji jew teżijiet li jkunu qed jiġu organizzati jew li jkunu qed isiru taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Liġi. Din il-kooperazzjoni tara wkoll li tidentifika opportunitajiet ġodda u li ssaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema.
Waqt l-iffirmar ta' dan il-ftehim, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal li l-esperjenza li ġabet magħha l-FATF irriżultat f'bidliet sinifikanti f'din l-isfera, partikolarment mill-aspett li twaqqaf ir-Reġistru tas-Sidien Benefiċċjarji billi jkun aċċertat li jkun korrett u kontinwament aġġornat għat-tisħiħ ta' proċessi ta' due diligence fejn għandu x'jaqsam compliance.
“Dan il-ftehim jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħna bħala Gvern, jiġifieri dik li nkomplu nibnu sħubija bejn ir-regolatur u l-edukazzjoni. Huwa notevoli l-interess għall-istudenti li jaraw li jfittxu li jkollhom esperjenza diretta u involviment dirett fil-progress ta' pajjiżna. It-tisħiħ tar-riċerka għandha rwol kruċjali sabiex timbotta l-innovazzjoni li tassigura l-kompetittività ta' pajjiżna fuq livell globali,'' qal il-Ministru Silvio Schembri.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Profs. Alfred J. Vella qal li, “Nemmen li din il-kooperazzjoni mar-Reġistru Malti għan-Negozji se tgħin lid-Dipartiment tal-Liġi Kummerċjali sabiex tiffaċilita u ssaħħaħ il-prestazzjoni ta' funzjonijiet rispettivi filwaqt li tassigura suċċess għall-istudenti tagħna."
Il-Kap Eżekuttiv u Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas irrimarkat kif fl-aħħar ftit snin, il-liġi kummerċjali għaddiet minn bidliet sinifikanti li madanakollu uriet ir-reżiljenza u l-kapaċità li taddatta f'ċirkostanzi ta' sfida.
“Nemmnu li l-Università ta' Malta għandha rwol sinifikanti sabiex tinkoraġġixxi r-riċerka f'dan is-settur. Il-Liġi Kummerċjali hija l-qofol tal-ħidma tar-Reġistru Malti għan-Negozji sabiex ikunu ssalvagwardjati l-interessi tal-ġurisdizzjoni Maltija kif ukoll rajna li dan il-ftehim jirreplika dak li ġie ffirmat is-sena li għaddiet mad-Dipartiment tal-Accountancy li wera kemm kien ta' benefiċċju li nestendu l-involviment u t-talent tal-istudenti tagħna. Bħala Reġistru Malti għan-Negozji nemmnu li permezz ta' gwida li kommessi li nagħtu skont il-parametri stabbiliti mil-liġi, dan il-ftehim se jwitti triq sabiex nassiguraw li Malta tibqa' minn ta' quddiem nett f'dan is-settur," qalet Dr Spiteri Lucas.
Min-naħa tagħha, Dr Tiziana Filletti, il-Kap għad-Dipartiment tal-Liġi Kummerċjali fi ħdan l-Università ta' Malta, qalet li “L-iffirmar tal-ftehim jimmarka bidu ta' sħubija fit-tul bejn ir-Reġistru għan-Negozju Malti u d-Dipartiment tal-Liġi Kummerċjali li se twassal biex issaħħaħ l-isforzi ta' kooperazzjoni, attivitajiet akkademiċi u kisbiet professjonali."
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944