STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Djaloġu soċjali aktar miftuħ: L-ewwel laqgħa tal-MCESD bit-tmexxija taċ-chairperson il-ġdid
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali stqarr li qed iħares 'il quddiem sabiex id-djalogu soċjali mhux biss ikompli jissaħħaħ billi jkun iktar effettiv u effiċjenti permezz tad-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, iżda ukoll billi jkun aktar miftuħ għall-pubbliku. F'dan ir-rigward huwa semma kif fiż-żmien li ġej ser ikun qed jara li tinbeda kampanja edukattiva dwar id-djalogu soċjali f'pajjiżna.
Min-naħa tiegħu fl-ewwel indirizz tiegħu waqt il-laqgħa tal-MCESD, il-Perit David Xuereb stqarr li jinsab ottimist u determinat sabiex jgħolli l-profil tal-MCESD. Iċ-chairperson qal li lil hinn mid-diskussjoni, l-objettiv ta' dan il-kunsill għandu jkun li jżid valur u jikkontribwixxi fl-aġenda nazzjonali ta' pajjiżna.
Waqt il-laqgħa ġew diskussa l-Viżjoni Soċjali għal Malta għall-2035, kif ukoll il-Pjan Nazzjonali Strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni li jkopri l-perjodu ta' bejn l-2023 u l-2027. Liema żewġ pjanijiet bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwarhom.
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Denise Fiorentino, qalet li l-Viżjoni Soċjali għal Malta għandha l-għan li tidentifika, tippjana u tilqa' għall-isfidi soċjali fi-snin li ġejjin, hija qalet li l-viżjoni fost oħrajn tipproponi żieda ta' servizzi soċjali u ħidma sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-politika tal-gvern fil-qasam soċjali.
Min-naħa tiegħu, Omar Cutajar, uffiċjal tal-MCST ta preżentazzjoni rigward l-strateġija nazzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, huwa semma kif l-għan ta' din l-istrateġija huwa li żżid il-potenzjal tal-akkademiċi, kif ukoll il-kumpaniji fir-riċerka u l-innovazzjoni.
L-imsieħba soċjali laqgħu b'sodisfazzjon dawn iż-żewġ strateġiji u rrimarkaw dwar l-importanza li jkun hemm assessjar tagħhom minn żmien għall-ieħor biex verament jintlaħaq l-għan aħħari.
Waqt din il-laqgħa s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali ħabbar li s-Segretarju Permanenti s-Sur Mark Musù ser ikun qed jassumi l-kariga ta' Viċi Chairperson tal-MCESD. Għal-laqgħa kien hemm preżenti ukoll il-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż‑Żgħażagħ, ir‑Riċerka, u l‑Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945