STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Pjan ta’ azzjoni komprensiv għas-sigurtà fit-toroq tagħna
pr221784
21/12/2022
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia ħabbar dettalji dwar pjan komprensiv għas-sigurtà fit-toroq b'miżuri li se jibdew jiġu mwettqa fis-sena 2023.
Il-pjan jinkludi numru ta' miżuri tanġibbli fosthom:
- It-tiġdid tal-Istrateġija għas-Sigurtà fit-Toroq bl-għan li tirrifletti r-realtajiet ta' pajjiżna u b'hekk teħodna lejn l-2030;
- It-twaqqif ta' Transport Safety Investigations Commission;
- Tisħiħ tal-irwol tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq bħala konsulent tal-gvern bl-istruttura u l-irwol isiru parti mill-liġijiet ta' Malta;
- Aktar infurzar u pieni eħrex;
- Bidla fil-kultura ta' sigurtà minn età bikrija. Ħidma mill-qrib mal-istituzzjonijiet edukattivi;
- Is-salvagwardjar tal-element ta' sigurtà fi proġetti infrastrutturali fit-toroq;
- Kampanji ta' tagħlim u informazzjoni matul is-sena kollha.
Il-Ministru Farrugia ħabbar li qed tiġi ppubblikata għall-konsultazzjoni pubblika White Paper dwar proposta għal Transport Safety Investigations Commission. Huwa qal li s-sigurtà fit-toroq hi fuq nett tal-aġenda tal-gvern u jeħtieġ li nimxu lejn il-mira ta' Vision Zero, mira li Malta daħlet għaliha ma' numru ta' pajjiżi oħra waqt il-Presidenza Maltija permezz tal-Malta Declaration. “Kulħadd għandu rwol u responsabbiltà biex nilħqu dawn il-miri, fosthom il-gvern, l-awtoritajiet, sewwieqa u anke l-persuni li jaqsmu fit-toroq tagħna. Ilkoll flimkien irridu niżguraw li t-toroq tagħna jkunu siguri. Għalija, l-imwiet u l-vittmi ta' inċidenti fit-toroq mhumiex numri, iżda persuni b'familji warajhom," stqarr il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru qal ukoll li filwaqt li l-edukazzjoni, it-tagħlim u kampanji ta' informazzjoni se jiżdiedu u jissaħħu, daqstant ieħor se jiżdiedu u jissaħħu l-multi u miżuri oħra ta' deterrent.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġew spjegati dawn il-miżuri fid-dettall. Espert fuq l-investigazzjonijiet għas-sigurtà Dr Kevin Ghirxi spjega li l-gvern għaddej b'ħidma biex titwaqqaf Transport Safety Investigations Commission, li tkun permanenti u indipendenti. Il-Kummissjoni se jkollha tliet uffiċċji, responsabbli għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-ajru, marittimu u fit-toroq, rispettivament.
“L-irwol tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq ser jissaħħaħ permezz ta' mandat ta' azzjoni aktar ċar u bażi legali li tassigura wkoll rappreżentazzjoni aktar wiegħsa," saħaq is-Segretarju Permanenti, is-Sur Godwin Mifsud.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta l-Brig. Jeffrey Curmi spjega li filwaqt li l-istrateġija għas-sigurtà fit-toroq tiskadi fl-aħħar tas-sena 2024, l-awtorità diġà bdiet taħdem minn issa fuq strateġija ġdida li tkopri sal-2030. “Diġà beda xogħol biex, barra li jkomplu jitwettqu miżuri li għadhom applikabbli mill-istrateġija kurrenti, jittieħdu miżuri addizzjonali u li jippreparaw it-triq għall-istrateġija l-ġdida. Eżempju ta' dan huwa l-proċess li beda biex tkun tista' tinġabar informazzjoni utli li tgħin issaħħaħ ir-road safety strategy 2024-2030," qal is-Sur Curmi. Huwa tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta' iktar edukazzjoni f'kull livell u għal kull min, b'xi mod jew ieħor, juża t-triq, kif ukoll infurzar aktar effettiv u effiċjenti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Ivan Falzon stqarr li, “Is-sigurtà m'għandhiex tkun kelma iżolata, imma kultura. Neħtieġu sforz kollettiv biex niżguraw karatteristiċi ta' sigurtà f'dak kollu li niddisinjaw u nagħmlu."
Il-konsultazzjoni pubblika għall-White Paper dwar it-Transport Safety Investigations Commission se tkun miftuħa sal-15/02/2023. Il-feedback għandu jintbagħat fuq consultations.mtip@gov.mt
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946
PR221784a.pdf