STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI
Inawgurat vann elettriku mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara, biex jintuża mir-residenti
Ġiet inawgurata vettura elettriku li se tintuża mir-residenti tal-Kalkara. Il-vann, b’investiment ta’ €48,000, tħallas mill-Fondi tal-Aġenzija għall-Infurzar tal-Liġi, il-LESA, u d-dipartiment tal-kunsilli lokali.
Għall-inawgurazzjoni tiegħu kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li, “Permezz ta’ dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara u kif ukoll proġetti oħra minn kunsilli lokali, qed naraw li l-flus miċ-ċitazzjonijiet qed jiġu investiti lura fil-komunità. Fil-fatt, matul din is-sena l-aġenzija LESA qassmet kważi €1,000,000 f’fondi lil 20 kunsill lokali differenti.” Meta tkellem dwar il-proġett fil-Kalkara, il-Ministru żied jgħid li dan hu proġett mill-komunità għall-komunità, għaliex il-Kalkariżi se jkunu moqdija aħjar fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod partikolari dawk li ma jsuqux.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li, “Dan is-servizz kien beda jingħata għall-ewwel darba fil-lokalità ta’ Bormla meta jien kont sindku u hu ta’ sodisfazzjon għalija li nara aktar kunsilli lokali jadottawh għaliex jgħin lill-persuni jkunu aktar indipendenti.” Hija faħħret l-għaqal tal-kunsill lokali tal-Kalkara li għaraf juża fondi addizzjonali.
Is-Sindku tal-Kalkara qal li, “Huwa impenn u ħidma kontinwa tal-kunsill li nkunu ta’ servizz għar-residenti tagħna. Permezz ta’ dan il-vann 100% elettriku, ħa mmorru lil hinn minn servizz li nistgħu noffru mill-ufficċju. KALKARA TRANSPORT se jkun għal kull bżonn tar-residenti Kalkariżi. L-għan hu li ngħinu aktar lill-anzjani tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.”
Kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores u l-President tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali Mario Fava.
Is-servizz se jidħol fis-seħħ mid-9 ta’ Jannar li ġej u sabiex wieħed jużah irid jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946