STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2021
Illum, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ippreżenta r-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2021 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia. Dan jikkonsisti f'36 rapport ta' verifika fuq l-operat ta' numru ta' entitajiet fis-settur pubbliku. Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll analiżi tar-Rapport Finanzjarju 2021, kif ukoll tal-arretrati kif ġew mgħoddija lit-Teżor mill-ministeri, dipartimenti u entitajiet rispettivi.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) eżamina b'reqqa diversi sorsi ta' dħul u ħruġ sabiex tkun analizzata sew l-osservanza tal-liġijiet u r-regolamenti relatati magħhom. Ir-rapport jinkludi aktar minn 290 rakkomandazzjoni li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-NAO, bl-għan li tissaħħaħ il-governanza u jitjiebu l-prattiki fl-operat tal-gvern.
Dawn li ġejjin huma wħud min-nuqqasijiet prinċipali li ġew identifikati:
• Lakuni fil-proċess ta' kontabilità ta' tranżazzjonijiet.
• Limitazzjonijiet fil-kontrolli interni u fis-segregazzjoni tad-dmirijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal frodi jew żbalji.
• Regolamenti dwar l-akkwist pubbliku ma ġewx osservati.
• Nuqqas ta' azzjoni biex jinġabru ammonti dovuti lill-gvern u biex jiġu rikonċiljati bilanċi dovuti bejn entitajiet tal-gvern.
• Nuqqasijiet fil-ħlas ta' sahra u allowances minħabba verifika inadekwata ta' rekords ta' attendenza u dokumentazzjoni relatata.
• Difetti fl-immaniġġjar ta' proġett li rriżultaw fi pjanar u eżekuzzjoni mhix xierqa tali mod li kkawżaw impatt negattiv fl-interessi tal-gvern.
Aċċess għal dan ir-rapport mis-sit uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika www.nao.gov.mt kif ukoll mill-paġna tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946