STQARRIJA MINN FESTIVALS MALTA Jum ir-Repubblika — It-Tlieta, 13 ta’ Diċembru, 2022
Jum ir-Repubblika jfakkar il-ġurnata fejn Malta rrevediet il-kostituzzjoni tagħha u effettivament saret Repubblika. B'hekk Malta ma baqatx taħt ir-renju tar-reġina Eliżabetta II, u minflok inħatar l-ewwel President ta' Malta Repubblika, Sir Anthony Mamo. Fl-okkażjoni tat-48 sena anniversarju ta' Jum ir-Repubblika, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, flimkien mal-Uffiċċju tal-President, qed jorganizzaw diversi attivitajiet kommemorattivi sabiex jiġi mfakkar dan il-Jum.
It-Tlieta 13 ta' Diċembru 2022, Jum ir-Repubblika, fl-10:00 ta' filgħodu, ser tkun qed tiġi organizzata l-parata ċerimonjali mill-Forzi Armati ta' Malta u ser jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom Dr George Vella, President ta' Malta, Robert Abela, Prim Ministru ta' Malta, flimkien ma' mistednin distinti oħra. Festivals Malta jappella lill-pubbliku biex jattendi għal din iċ-ċerimonja fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Fil-11:00 ta' filgħodu ssir ċerimonja tal-investitura u l-għoti tal-midalji fis-Sala tal-Gran Kunsill, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Dawn l-avvenimenti kollha ser ikunu mxandra b'mod dirett fuq TVM News+.
Fis-1:00 ta' waranofsinhar, il-President ta' Malta jqiegħed kuruna tal-fjuri fuq il-monument ta' Malta Repubblika fil-Marsa.
Attivitajiet oħra li jfakkru dan il-Jum ta' Festa Nazzjonali huma kif ġej:
It-Tnejn 12 ta' Diċembru - marċ mill-Banda tas-Soċjetà Mużikali ta' Sant' Antnin ta' Birkirkara tul Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, fis-6:00 ta' filgħaxija.
It-Tlieta 13 ta' Diċembru - marċ mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika King's Own tal-Belt Valletta, tul Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, li jibda fil-5:30 ta' filgħaxija.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946