STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: Il-Ministru Borg b’laqgħat wara stedina mill-Gvern tal-Qatar
Fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kien mistieden mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sheikh Mohammed bin Abdulrahman Al Thani nnifsu sabiex iżur il-pajjiż f'dan iż-żmien tant impenjattiv li għaddej minnu hekk kif qed tkun organizzata t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol. Huwa kien ospitat mill-Gvern tal-Qatar.
Fiż-żjara tiegħu f'dan il-pajjiż tal-Golf, il-Ministru Borg impenja ruħu b'numru ta' laqgħat sabiex permezz tagħhom tkun tista' tkompli titjieb ir-relazzjoni bilaterali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Matul iż-żjara, il-Ministru Borg kellu laqgħat importanti mal-Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija Sheikh Mohammed bin Hamad bin Qassim Al Abdullah Al Thani. Kienu diskussi r-rieda taż-żewġ gvernijiet sabiex ikompli jittejjeb in-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Din l-istess diskussjoni setgħet timraħ f'laqgħat separati oħra li kellu Dr Borg mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta' Investiment tal-Qatar Mansoor Ebrahim Al-Mahmoud u anke maċ-Ċermen tal-Assoċjazzjoni tan-Negozji tal-Qatar, Faisal Bin Qassim Al-Thani. Hawnhekk kienet diskussa wkoll il-ħidma li importanti ssir sabiex ikun hemm aktar faċilitar f'termini ta' negozji.
Il-ministru għall-affarijiet barranin kellu laqgħa wkoll mal-Ministru għat-Turiżmu u Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru Qatar Airways, Akbar Al Baker. Ġie diskuss il-potenzjal ta' aktar kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tat-turiżmu. Kompliet ukoll għaddejja d-diskussjoni pożittiva dwar konnettività aħjar bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi fil-futur qarib.
Matul din l-istedina mill-Gvern tal-Qatar, Dr Borg sab il-ħin biex iżur jott klabb operat mill-kumpanija Maltija Corinthia u tela' abbord il-vapur MSC World Europa li jġorr bandiera Maltija. Dan il-vapur huwa l-akbar wieħed tal-flotta tal-MSC u l-ewwel wieħed li jaħdem permezz tal-LNG.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946