STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA L-ewwel żjara uffiċjali tal-Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri George Marius Hyzler fl- Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika
Illum il-Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) George Marius Hyzler għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fejn ġie milqugħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.
Waqt li kien qed jindirizza lill-ogħla uffiċjali ta’ dan l-Uffiċċju, George Hyzler ippreżenta r-Rapport Annwali 2021 tal-QEA lill-Awditur Ġenerali iżda wkoll enfasizza l-bżonn li r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea, li jkopru bosta suġġetti interessanti li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, jaslu għand l-entitajiet u d-dipartimenti tal-gvern ta’ kull stat membru, irrespettivament minn jekk jagħmlux referenza speċifika għall-pajjiżi individwali. Dan huwa importanti biex ix-xogħol tal-Qorti jwassal għal valur miżjud fl-operat tal-gvernijiet Nazzjonali speċjalment billi tissaħħaħ il-governanza tajba fl-użu tar-riżorsi provduti mill-Kummissjoni Ewropea.
George Hyzler awgura li l-QEA u l-NAO jibqgħu jsaħħu dejjem aktar il-koperazzjoni bilaterali fl-aqwa interess taċ-ċittadini komuni. Għal dan il-għan huwa importanti ħafna li jibqa’ jissaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, bħal pereżempju l-organizzar ta’ aktar konferenzi f’pajjiżna bejn il-QEA u l-NAO dwar materji ta’ awditjar pubbliku li permezz tagħhom tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku.
Min-naħa tiegħu, l-Awditur Ġenerali għal darb’oħra saħaq li l-Uffiċċju huwa determinat li jibqa’ jaħdem f’koperazzjoni sħiħa mal-QEA li mingħajr dubju għandha rwol fundamentali biex tassigura l-aħjar użu tal-fondi użati mill-Kummissjoni Ewropea u entitatjiet oħra skont bosta programmi u inizjattivi.
B’referenza partikolari għall-impenn lokali tal-NAO, Charles Deguara saħaq li din kienet sena oħra ferm impenjattiva għal dan l-Uffiċċju. Apparti x-xogħol estensiv li sar mit-timijiet kollha fil-qasam ta’ awditjar tas- servizz pubbliku, din is-sena l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkomemora b’mod serju u dinjituż il-25 sena mit- twaqqif tiegħu. L-Awditur Ġenerali wassal l-apprezzament sħiħ tiegħu lid-Deputat Awditur Ġenerali u l-istaff kollu tal-Uffiċċju għad-dedikazzjoni u kompetenza professjonali li dejjem juru fix-xogħol tagħhom bil-għan ewlieni li tibqa’ tissaħħaħ dejjem aktar il-kontabilità u t-trasparenza fl-użu ta’ fondi pubbliċi f’Malta. Fl-aħħar mill-aħħar fl-aqwa interess taċ-ċittadini tagħna.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946