STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Investiment ta’ aktar minn €2 miljun f’latrini pubbliċi awtomatiċi
Tħabbret Espressjoni ta' Interess għall-kunsilli reġjonali sabiex jibbenefikaw minn skema għall-iżvilupp u titjib ta' latrini pubbliċi awtomatiċi f'lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, b'investiment ta' aktar minn żewġ miljun ewro.
Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Ġie spjegat li kull kunsill reġjonali għandu l-opportunità li jibbenefika minn fond sa massimu ta' €360,000 li minnu għandhom jibbenefikaw minimu ta' 6 kunsilli lokali fi ħdan kull kunsill reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li, “Permezz ta' din l-espressjoni ta' interess ser inkunu qed inwettqu miżura elettorali oħra, billi nassistu finanzjarjament lill-kunsilli reġjonali sabiex ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu għajnuna lill-kunsilli lokali. Dan sabiex fl-ibliet u l-irħula madwar Malta u Għawdex jiġu introdotti latrini pubbliċi b'sistemi ta' tindif awtomatiċi, bl-użu tal-aħħar teknoloġija disponibbli u li jitħaddmu b'sistemi ta' enerġija ekoloġika."
Hija saħqet li din l-iskema ser twassal għal latrini aktar adegwati li joffru aktar iġjene, sigurtà, indafa u aċċessibbiltà, li huma fundamentali għad-dinjità tal-bniedem. “Din l-iskema hi waħda minn sensiela ta' assistenza finanzjarja li l-Gvern Lokali qiegħed jagħti lill-kunsilli lokali sabiex itejbu u jwasslu s-servizzi pubbliċi eqreb lejn iċ-ċittadini," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard sostna li, “Il-vantaġġ li din l-iskema ser tiġi koordinata fuq bażi reġjonali huwa li l-uffiċjali professjonali tal-kunsilli reġjonali ser jassistu lill-kunsilli lokali fi ħdanhom sabiex jimplimentaw dan il-proġett fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-latrini pubbliċi mistennija li ssir b'mod aktar effettiv u ekonomiku, minħabba l-prinċipju ta' economies of scale."
Preżenti għat-tnedija tal-Espressjoni ta' Interess kien hemm ukoll il-Presidenti u s-Segretarji Eżekuttivi jew rappreżentanti tas-sitt Kunsilli Reġjonali.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946