STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f’investiment biex isir żvilupp sostenibbli
“F'dan il-budget ġie kkonfermat li Għawdex se jgawdi mill-akbar investiment u nefqa kapitali ta' kull żmien għaliex għall-ewwel darba Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f'investiment kapitali taħt l-inizjattiva Sustainable Urban Development," qal il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka u spjega l-miżuri tal-Budget 2023 relatati mal-istess ministeru.
Il-Ministru Camilleri qal li dan huwa tragward importanti ferm għal din il-gżira fejn bil-fatti l-gvern qed ipoġġi l-investiment kapitali fi gżiritna fuq quddiem nett. Semma li apparti dan, Għawdex ukoll se jkun qiegħed jibbenefika minn 10% tal-investiment ta' koeżjoni u agrikoli tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u dan ifisser ukoll li fis-seba' snin li ġejjin, Għawdex se jkun qed jibbenefika minn madwar €100 miljun oħra minn fondi Ewropej li se jiġu investiti f'Għawdex.
Il-ministru qal, “Wasalna s'hawn għaliex tul dawn l-aħħar snin kellna gvern li kontinwament investa f'Għawdex, fil-proġetti, fil-wirt kulturali, fl-infrastruttura, fit-turiżmu u biddel lill-gżira Għawdxija f'mutur ekonomiku." Fakkar li ċ-Ċittadella ntgħażlet għar-Regiostars Awards fost 300 proġett u ġiet innominata fost l-aqwa 15-il proġett li qatt saru mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Stqarr li dan il-gvern kommess li jkompli jżomm il-wirt storiku fl-aħjar stat possibbli u semma li matul din is-sena beda proċess sabiex l-akwedotti li jinsabu fil-limiti tar-Rabat jiġu restawrati. Fil-fatt, għaddej abbozzar ta' tender għar-restawr tal-akwedotti li mistenni joħroġ dalwaqt b'valur ta' €2.5 miljun.
Il-ministru qal li l-gvern kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin permezz ta' ambjent aħjar, ekonomija b'saħħitha u toroq u infrastruttura aħjar.
L-infrastruttura fil-gżira Għawdxija baqgħet prijorità għall-Ministeru għal Għawdex fejn tkompla l-programm ambizzjuż ta' bini mill-ġdid ta' toroq. Għas-sena d-dieħla ġew allokati €8 miljun oħra biex fl-2023 ikompli l-programm b'saħħtu ta' bini ta' toroq. Fi ftit tal-ġimgħat oħra mistennija titlesta t-triq prinċipali li tagħti min-Nadur għall-Port tal-Imġarr. B'hekk, il-ministru qal li se nkunu prattikament bnejna mill-ġdid il-links kollha li minn dan il-port ewlieni jwasslu għall-Qala, għan-Nadur u għal Għajnsielem u għall-bqija tan-network infrastrutturali f'Għawdex.
Il-Ministru Camilleri semma wkoll li l-ambjent ukoll baqa' prijorità għall-Ministeru għal-Għawdex u din is-sena mistenni jitlesta l-proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej sabiex jiġu rrestawrati u mibnija mill-ġdid 30 kilometru ta' ħitan tas-sejjieħ. Barra minn hekk, l-għotja finanzjarja tal-iskema ta' skrappjar ta' vetturi li jħammġu f'Għawdex ser tibqa' dik ta' €2,000.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li proġetti bħall-Mużew ta' Għawdex u ċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv isaħħu l-potenzjal ta' Għawdex kemm sabiex l-Għawdxin igawdu minn livell ta' ħajja aħjar kif ukoll sabiex inkomplu nagħmlu lil Għawdex destinazzjoni turistika distinta. Il-ministru għal Għawdex qal li t-turiżmu huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija Għawdxija u li din is-sena kienu immirati numru ta' swieq Ewropej, fejn l-irkupru kien wieħed b'saħħtu. Dan deher ukoll fl-industrija tal-cruise liners, fejn kien hemm mal-20 wasla f'Għawdex li b'kollox ġabu magħhom madwar 6,500 passiġġier.
Għawdex kompla jiġi promoss fis-suq domestiku u flimkien mal-Gozo Tourism Association, il-ministru semma li ser titnieda skema ta' inċentivi biex ikun attirat turiżmu lejn il-gżira Għawdxija bi sħab ma' operaturi turistiċi biex b'hekk Għawdex ikollu iktar turiżmu matul is-sena kollha.
Il-ministru sostna li se jibqa' jsir investiment fil-konnettività bejn Malta u Għawdex. Wara li fl-aħħar snin issaħħaħ is-servizz tal-Gozo Channel, dan il-gvern se jara li s-servizz tal-fast ferry ukoll ikun wieħed li jaqdi sew lill-Għawdxin u lill-Maltin u lil kull min jagħmel użu minnu. Dan filwaqt li ser ikompli wkoll ix-xogħol biex issir ir-Rural Airfield f'Għawdex.
Qal li dan hu budget ieħor b'investiment b'saħħtu fl-edukazzjoni. F'Għawdex ukoll l-edukazzjoni qed tingħata l-importanza li jixirqilha u fost ir-rinnovar li qed isir fl-iskejjel, se jitkompla x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur u tar-Rabat. Kompla jgħid li se jitkomplew ukoll il-proġetti kapitali fis-saħħa u fost l-investimenti fit-tul li saru fuq proġetti infrastrutturali nsibu ċ-ċentru l-ġdid fir-Rabat, Għawdex. Fis-saħħa wkoll se jiżdiedu servizzi ġodda. Pazjenti residenti f'Għawdex, li jkunu temmew it-trattament għall-kanċer, ser igawdu mis-servizz ta' Holistic Needs Assessment (HNA) Clinic, offrut fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li dan il-gvern qed isaħħaħ lill-Għawdxin f'kull sens; f'dak ekonomiku, soċjali u ambjentali. L-inċentivi fiskali għall-proprjetà se jkomplu. Fil-fatt, qed jiġu estiżi l-iskemi tal-propjetà jiġifieri l-iskemi ta' tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, second-time buyers u x-xiri ta' proprjetà f'Għawdex. F'Għawdex, il-first-time buyers se jibbenefikaw minn €30,000, id-doppju ta' Malta.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en