STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: rekord assolut fil-Budget 2023 għall-qasam tas-saħħa
“Il-Budget 2023 alloka rekord assolut għan-nefqa fil-qasam tas-saħħa", saħaq id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega l-proġetti ewlenin fil-qasam tas-saħħa li se jkunu possibbli permezz tal-allokazzjoni ta' biljun u sitt miljun ewro allokati għall-2023.
Id-deputat prim ministru ta elenku tal-programm estensiv ta' proġetti maħsuba għas-sena d-dieħla, li jinkludu l-istrateġija nazzjonali dwar il-kura paljattiva, l-istrateġija aġġornata dwar is-saħħa sesswali, l-istrateġija ta' diġitalizzazzjoni u l-estensjoni tat-telemedicine. Huwa kompla billi dar id-diversi oqsma ewlenin fil-qasam tas-saħħa fejn ta elenku tal-proġetti ewlenin li se jkunu varati.
Dwar l-Isptar Mater Dei, huwa rrefera għall-proġetti ambizzjużi tal-binja tal-Outpatients il-ġdida, tal-parkeġġi l-ġodda, tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza, tal-Medical Imaging u l-investiment f'cardiac catheterization suite ġdida. Dan minbarra programm ta' investiment f'apparat aġġornat għall-istess sptar.
Tkellem ukoll dwar ir-rinnovar tal-iswali tal-Isptar Boffa li se jkunu lesti għall-eventwalità ta' influss ta' sodod waqt l-istaġun tax-xitwa. Dan filwaqt li għaddejjin diversi diskussjonijiet mas-settur privat dwar l-iżvilupp ta' sodod addizzjonali u l-użu tas-swali tal-operazzjonijiet sabiex jittaffu l-waiting lists li żdiedu b'riżultat tal-pandemija.
Dwar il-kura tas-saħħa primarja, id-deputat prim ministru qal li se jissokta l-programm ta' ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa u bereġ ġodda madwar Malta u Għawdex u r-rinnovar ta' dawk eżistenti. Dan filwaqt li se jkomplu jiżdiedu s-servizzi mediċi offruti fil-komunità. Dawn jinkludu servizzi ta' viżiti relatati mal-GU clinic, mas-saħħa mentali u mal-onkoloġija. Dwar dan fisser li l-baġit għas-sena d-dieħla jaħseb ukoll għas-servizz ta' kimoterapija fid-djar tal-pazjenti, fejn ikun medikament possibbli u rakkomandat mill-ispeċjalist kuranti. Irrefera wkoll għall-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Vincent Moran li mistenni jibda jilqa' l-pazjenti fl-2023, li se jkun qed joffri diversi servizzi ta' kura primarja, kura tas-saħħa mentali, servizzi ta' emerġenza u servizzi tal-outpatients, li sa issa kienu offruti mill-Isptar Mater Dei biss.
Il-Budget 2023 se jippermetti lill-awtoritajiet għas-saħħa jkomplu jżidu l-mediċini fuq il-formularju tal-gvern, spjega d-deputat prim ministru, li rrefera għall-estensjoni tat-tilqima bla ħlas tal-HPV għas-subien, l-introduzzjoni ta' mediċini ġodda għal persuni li jbatu mill-iskrelożi multipla, dijabete, osteoporożi u l-mediċini relatati mas-servizzi tal-IVF offruti mill-ART Clinic, fost l-oħrajn.
Dwar il-kura fil-qasam tas-saħħa mentali, id-deputat prim ministru rrefera għall-programmi li tnedew tul din is-sena u li qed iħallu r-riżultati mixtieqa b'inqas pazjenti jkollhom il-bżonn li jiġu rikoverati fl-isptarijiet, u li se jkomplu jiżdiedu tul is-sena d-dieħla. Dwar l-Isptar Monte Karmeli, huwa sostna li l-proġett estensiv ta' rinnovar se jissokta bil-ftuħ ta' iżjed swali rinnovati mistenni għas-sena d-dieħla. Dan filwaqt li se tissokta l-ħidma sabiex jibda l-bini tal-isptar il-ġdid tal-kura akuta tas-saħħa mentali.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne irrefera wkoll għall-Health Workforce Strategy li kienet varata t-Tlieta filgħodu fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa. Huwa qal li dan id-dokument se jgħin lid-dipartiment jieħu deċiżjonijiet strateġiċi fejn jidħlu l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, li huwa t-tieni l-ikbar employer fil-pajjiż, bi kważi 9,000 impjegat.
Ħabbar li mill-31 ta' Ottubru, kemm il-vaċċin tal-influwenza kif ukoll il-booster tal-Omicron se jkunu offruti lill-persuni kollha ta' 'l fuq minn 12-il sena. Huwa appella lill-pubbliku sabiex jipproteġi lilu nnifsu mill-influwenza staġjonali u mill-COVID-19 billi jżur iċ-ċentri tas-saħħa u kliniċi fil-komunità skedati għal dawn il-vaċċini, bla ħlas.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en