STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża jiddeploraw stqarrija bla bażi u irresponsabbli, li setgħet tallarma lill-ġenituri u t-tfal fl-iskejjel, li għamel il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Justin Schembri.
F'kumment li kiteb fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Justin Schembri allega, mingħajr ma ġab il-fatti, li l-water fountains li hemm installati fl-iskejjel ma ssirilhomx manutenzjoni, bir-riżultat li studenti tal-iskola medja ta' San Ġorġ Preca spiċċaw ma jifilħux wara li xorbu mill-ilma tal-water fountains.
Ftit minuti biss wara li tella' l-kumment, emenda din l-istqarrija għaliex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mill-ewwel ċaħdet l-allegazzjonijiet li għamel is-Sur Schembri, anke wara li saru l-verifiki mal-kap tal-iskola.
Stqarrijiet bla bażi bħal dawn huma kundannabbli, speċjalment meta jkunu ġejjin minn persuna li hi figura pubblika. Għalhekk, qabel ma wieħed ixerred aħbarijiet foloz, għandu jivverifika l-fatti. Fatti li juru li l-water fountains issirilhom manutenzjoni u tindif regolari, kif ukoll testijiet għall-kwalità ta' ilma.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed jinvesti bis-sħiħ fis-settur edukattiv, anki fejn tidħol is-saħħa tal-istudenti u kien għalhekk li kienu installati dawn il-water fountains fl-iskejjel, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Din hija inizjattiva li tħalli impatt pożittiv kemm fuq is-saħħa kif ukoll fuq l-ambjent.
Għalhekk il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża jibqgħu impenjati li jwessgħu din l-inizjattiva.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946